X’inhu s-sinifikat taʼ Ġesù inkurunat bix-xewk?

Andrés Henríquez via Catholic News Agency / ACI Prensa

L-inkurunament bix-xewk ma kinitx piena komuni li r-Rumani kienu japplikaw kontra kull min kien ikkundannat għall-mewt. Kienet, iżda, invenzjoni tas-suldati, maħsuba biex jumiljaw lill-Ġesù b’mod krudili.

Niftakru f’dan l-episodju fit-tielet Misteru tat-Tbatija tar-Rużarju, imma kif jistgħu l-insara jidħlu aktar fil-fond u jimmeditaw fuq it-tifsira aktar profonda ta’ dan l-avveniment?

John Grondelski, Duttur fit-Teoloġija mill-Università ta’ Fordham, l-Istati Uniti, jikteb fin-National Catholic Registry li, f’sens teoloġiku, l-inkurunament bix-xewk “huwa rimarka fuq d-dnubiet tal-ħsieb u tal-moħħ,” bħal donnhom x-xewk infushom jissimbolizzaw il-ħsibijiet imperfetti li ġieli jidħlulna ġo moħħna.

The Crowning with Thorns (1603) ta’ Caravaggio. Ritratt: Wikimedia Commons

Dan l-episodju tal-Passjoni ta’ Ġesù huwa rrakkontat fl-Evanġelji kollha, ħlief dak ta’ San Luqa. Preċiżament, jikteb Grondelski, huwa l-Evanġelju ta’ San Ġwann li “jżid element importanti” li nistgħu nimmeditaw fuqu.

F’dan l-Evanġelju, wara li ordna li l-Mulej jiġi fflaġellat, il-prokuratur Pilatu għamel l-aħħar tentattiv biex isalvah mill-mewt. Nofsu mejjet mis-swat, jirrimarka Grondelski, Pilatu jintroduċi lil Ġesù mal-folla bil-frażi: Ecce Homo! (dan hu l-bniedem!) (Ġw 19,4).

“Pilatu hawnhekk itenni verità li hu stess forsi ma kienx konxju tagħha,” jgħid l- awtur. U jżid li f’dil-frażi jinġabru ħafna veritajiet spiritwali: “Dan hu l-bniedem li Alla ried li jkun bniedem. Dan huwa l-bniedem li, kif konna kontinwament mgħallma mill-Konċilju Vatikan II u mill-Papa San Ġwanni Pawlu II, ‘jirrivela bis-sħiħ il-bniedem nnifsu’. Dan hu l-bniedem kif għamlu Alla.

“Imma dan huwa ukoll il-bniedem deformat, midrub u degradat mid-dnub (ix-xewk). Dan huwa dak li d-dnub jagħmel lill-bniedem. (U niftakru li dan ir-raġel huwa innoċenti!)” jenfasizza Grondelski.

X’nistgħu nimmeditaw fuq l-inkurunament taʼ Ġesù bix-xewk?

L-awtur jirrimarka li l-inkurunament bix-xewk jirrifletti d-dnubiet kollha tal-ħsieb u tal-moħħ tal-bniedem. Aktar minn hekk, jispjega li jekk id-dnub “jibda fil-moħħ u fil-qalb”, jiġifieri ġewwa l-persuna qabel ma jasal barra, b’hekk “t-tortura li saret fuq ir-ras sagra taʼ Ġesù tindika dan” għax hija l-istess tortura li nġarrbu meta jkollna dawn il-ħsibijiet li jtaqqluna bid-dnub.

The Mocking of Christ (c.1440-1441) ta’ Fra Angelico. Ritratt: Wikimedia Commons

“Nistgħu nidinbu mentalment. Aħna nidinbu meta niddeċiedu li nidinbu,” jgħid Grondelski. U jkompli jħeġġeġ lill-insara biex jieħdu ħsieb il-ħsibijiet tagħhom u jagħmlu dak kollu possibbli biex jevitaw li jpoġġu aktar xewk fuq ras il-Mulej.

Nistgħu ngħinu lilna nfusna nimmeditaw fuq dan l-episodju permezz tal-arti. Speċjalment bil-pittura Kristu Inkurunat bix-Xewk (1550), tal-artist Olandiż Maarten van Heemskerck (ir-ritratt fil-quċċata tal-artiklu).

“Għażilt din il-pittura għax turi l-perversità assoluta ta’ dan l-att. B’differenza minn Ġesù, li madankollu juri ċerta kalma, it-tliet awturi taʼ dan l-att juru fernesija kważi annimaleska fid-dehriet tagħhom u fix-xogħol tiegħu,” jgħid.

L-awtur jikkonkludi billi jistaqsi u jistieden lill-qarrej jirrifletti: “Ma ttorturajnax biżżejjed lil Kristu bi dnubietna?”

Traduzzjoni mħejjija minn Lara Zammit għal tbissima.mt. It-test oriġinali bl-Ispagnol jappartjeni lill-Catholic News Agency. Dan l-artiklu kien ippubblikat oriġinarjament fuq ACI Prensa.

LURA GĦALL-FAĊĊATA