Vers mill-Bibbja għal waqt ir-Randan  

Lara Zammit

Hemm ħafna versi bibliċi differenti li nistgħu nimmeditaw fuqhom matul ir-Randan, iżda l-Papa Benedittu XVI fil-messaġġ tar-Randan tal-2007 issuġerixxa li nieqfu u nirriflettu fuq Ġwanni 19, vers 34: “Madankollu wieħed mis-suldati nifidlu ġenbu b’lanza, u minnufih ħareġ demm u ilma”.

Fil-messaġġ tiegħu, Benedittu XVI ħeġġiġna biex “inħarsu lejn Kristu fuq is-Salib” li hu “r-rivelazzjoni tal-imħabba ta’ Alla”.

“Ejjew inħarsu b’fiduċja lejn in-naħa minfuda ta’ Ġesù li minnha ħareġ ‘id-demm u l-ilma’ (Ġw 19, 34),” qal Benedittu XVI.

Il-Papa Benedittu XVI. Ritratt: L’Osservatore Romano/CNA

Demm u ilma

Il-papa għamel aċċenn għall-Missirijiet tal-Knisja, li qiesu dawn l-elementi bħala simboli tas-sagramenti tal-Magħmudija u tal-Ewkaristija.

Permezz tal-ilma tal-Magħmudija, u grazzi għall-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu, aħna ningħataw aċċess għall-intimità tal-imħabba tat-Tinità Mqaddsa, jgħid il-papa.

“Fil-mixja tar-Randan, tifkira tal-Magħmudija tagħna, aħna mħeġġa noħorġu minna nfusna biex niftħu lilna nfusna f’abbandun fiduċjuż għat-tgħanniqa ħanina tal-Missier.

“Id-demm, simbolu tal-imħabba tar-Ragħaj it-Tajjeb, jidħol fina speċjalment fil-misteru Ewkaristiku… Ejjew ngħixu r-Randan, mela, bħala żmien ‘Ewkaristiku’ li fih, nilqgħu l-imħabba ta’ Ġesù u nitgħallmu nxerrduha madwarna b’kull kelma u għemil.”

Skultura ta’ Ġesù mniżżel mis-Salib fi ħdan ommu Marija fin-Mużew Nazzjonali tal-Arti ta’ Slovenia. Ritratt: Wikimedia Commons

Il-kontemplazzjoni ta’ min nifed ġenb Ġesù iqanqalna biex niftħu qalbna għall-oħrajn, kompla l-papa, u nagħrfu l-ġrieħi li saru fuq id-dinjità tal-persuna umana. Dan il-ħsieb iqanqalna b’mod partikolari biex niġġieldu kull forma ta’ disprezz għall-ħajja u l-isfruttament tal-bniedem. B’hekk, jgħid il-papa, itaffu t-traġedji tas-solitudni u l-abbandun ta’ tant nies.

“Jalla r-Randan ikun għal kull Nisrani esperjenza mġedda tal-imħabba ta’ Alla mogħtija lilna fi Kristu – imħabba li kuljum aħna, min-naħa tagħna, irridu nerġgħu nagħtu lill-proxxmu, speċjalment lil dak li jbati l-aktar u li jinsab fil-bżonn,” jgħid Benedittu XVI. 

“B’hekk biss inkunu nistgħu nipparteċipaw bis-sħiħ fil-ferħ tal-Għid.

“Jalla Marija, Omm l-Imħabba, tmexxina f’dan il-vjaġġ tar-Randan – vjaġġ ta’ konverżjoni awtentika għall-imħabba ta’ Kristu.”

LURA GĦALL-FAĊĊATA