Stejjer personali, arti, fidi u laqgħat bejn ġenerazzjonijiet differenti se jkunu fiċ-ċentru ta’ tliet programmi minn CPI Media fl-iskeda tal-ħarifa. Aħbar Tajba fuq TVM+, JIENINT fuq NET TV u Sabiħa l-Ħajja fuq ONE se joffru lit-telespettaturi l-opportunità li jsiru jafu aħjar persuni minn diversi oqsma tas-soċjetà, jiskopru l-esperjenzi tagħhom u jirriflettu dwar il-valuri li jsawru ħajjithom.
Għalkemm kull programm għandu l-identità tiegħu, it-tlieta jagħtu spazju lill-bniedem u lill-istorja tiegħu: dak li jemmen fih, dak li jħobb jagħmel u l-mod kif jibni r-relazzjonijiet mal-oħrajn. Permezz tal-intervisti u l-konversazzjonijiet, il-mistednin se jaqsmu kif jippruvaw jgħixu ħajja tajba u kif il-valuri tagħhom isibu post fid-deċiżjonijiet ta’ kuljum.
Minn ħarsa lejn l-arti fil-knejjes ta’ Malta u Għawdex għal riflessjonijiet fuq l-Evanġelju, u minn esperjenzi ta’ ħajja Nisranija għal interessi li jgħaqqdu liż-żgħażagħ mal-anzjani, dawn il-produzzjonijiet se jlaqqgħu tagħrif, divertiment u riflessjoni. Huma se jistiednu lit-telespettaturi jħarsu lejn esperjenzi differenti minn tagħhom u jagħrfu wkoll dak li għandhom komuni ma’ ħaddieħor.

Aħbar Tajba: ħsieb, arti u kelma
Fl-iskeda l-ġdida, Aħbar Tajba se jiġbor fih tliet taqsimiet li jgħaqqdu l-esperjenzi tal-ħajja mal-arti u l-fidi.
Fabian Demicoli se jintervista mistednin minn diversi oqsma tas-soċjetà. Wara, Raymond Saliba se jieħu lit-telespettaturi fuq vjaġġ ta’ skoperta tal-arti sagra u kontemporanja li nsibu fil-knejjes u f’postijiet ta’ interess madwar Malta u Għawdex.
Fl-aħħar parti, Fr Louis Mallia MSSP se jispjega l-Evanġelju li jinqara fil-knejjes tagħna. Permezz tal-mistoqsijiet ta’ Maria Emma Buhagiar, din it-taqsima se tgħin lit-telespettaturi jifhmu aħjar il-messaġġ li Ġesù Kristu ried iwassal lil kulħadd.
Bil-kliem “Kulur il-Ħsieb, Kulur ir-Ruħ u Kulur il-Kelma”, il-programm se joffri diversi toroq għal riflessjoni.

JIENINT: il-fidi fil-ħajja ta’ kuljum
JIENINT se jirritorna fuq NET TV b’format u sett differenti minn dawk li t-telespettaturi huma mdorrijin bihom.
Francesca Briffa Polidano se tlaqqagħna ma’ persuni minn kull qasam tas-soċjetà. Il-konversazzjonijiet se jittrattaw ħajjithom u l-mod kif jippruvaw jgħixu l-fidi Nisranija fil-ħajja ta’ kuljum.
Il-mistednin se jitkellmu dwar il-valuri li jiggwidawhom u jgħinuhom jgħixu ħajja kuntenta, f’armonija magħhom infushom u mal-oħrajn.

Sabiħa l-Ħajja: żewġ ġenerazzjonijiet, interess komuni
Veronica u Joe Farrugia se jerġgħu jippreżentaw Sabiħa l-Ħajja fuq ONE, bi programm li jlaqqa’ l-esperjenzi ta’ żewġ ġenerazzjonijiet.
F’kull puntata, l-ewwel parti se tkun iddedikata għal mistieden jew mistiedna ta’ età akbar, filwaqt li fit-tieni parti se niltaqgħu ma’ persuna żagħżugħa. Li jgħaqqadhom se jkun interess komuni: ix-xogħol, xi namra jew xi sport.
Il-mistednin se jaqsmu dak li jħobbu jagħmlu u kif jippruvaw jgħixu ħajja tajba. Dawn il-laqgħat se joffru taħlita ta’ divertiment u tagħrif, filwaqt li juru kif interess wieħed jista’ jgħaqqad nies ta’ etajiet differenti.
It-tliet programmi huma produzzjoni ta’ CPI Media.
Aħbar Tajba jixxandar fuq TVM+ kull nhar ta’ Ħamis fis-6.15pm, b’repetizzjoni l-Ġimgħa fis-1.30pm u s-Sibt fl-10am, wara l-quddiesa. JIENINT jixxandar fuq NET TV kull nhar ta’ Tnejn fid-9.40pm, b’repetizzjoni l-Ħadd fis-2.15pm, fi skeda li tibqa’ għaddejja sal-aħħar ta’ Ġunju 2027. Sabiħa l-Ħajja jixxandar fuq ONE kull nhar ta’ Sibt fil-5pm, b’repetizzjoni l-Ħadd fis-7am, fi skeda li twassal sa Ġunju.