Tibda dalwaqt il-Ġimgħa Ekumenika tal-2025

Stqarrija għall-istampa

Il-Ġimgħa Ekumenika hija ġimgħa ta’ talb annwali għall-għaqda fil-knisja. L-insara kollha huma mħeġġa jieħdu sehem f’din il-ġimgħa ta’ talb, li din is-sena se tkun bejn Jannar 18-25.

It-tema għal din is-sena, “Temmnu inti dan?” (Ġw 11:26) – silta mill-Evanġelju fejn insibu d-djalogu bejn Ġesù u Marta, ftit qabel ma l-Mulej jagħmel miraklu u jġib lil Lazzru lura għall-ħajja – ntgħażlet mill-Komunità monastika u ekumenika ta’ Bose, fit-tramuntana tal-Italja.

“Għall-grazzja t’Alla qed isiru bosta inizjattivi f’parroċċi, komunitajiet u gruppi differenti fl-Arċidjoċesi biex jikber l-għarfien dwar l-ekumeniżmu u l-missjoni tal-Knisja biex taħdem għall-għaqda ma’ Knejjes oħrajn,” qal Mons. Prof. Hector Scerri, President tal-Kummissjoni Ekumenika.

“Nieħu din l-opportunità biex inrodd ħajr lill-membri tal-Kummissjoni Ekumenika Djoċesana tas-sehem li jagħtu matul is-sena kollha u tal-appoġġ li jagħtu biex l-Uffiċċju Ekumeniku tal-Arċidjoċesi jkun jista’ jiffunzjona tajjeb, minkejja nuqqas ta’ staff li uffiċċju bħal dan tant jeħtieġ.”

Il-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda fost l-Insara ta’ din is-sena qed taħbat mal-Ġublew tat-Tama u s-Sena Mqaddsa. Fil-fatt, il-Ġublew mal-Aħwa Nsara se jsir fl-istess okkażjoni tas-Servizz Ekumeniku Djoċesana, nhar il-Ġimgħa 24 ta’ Jannar 2025, fis-6:30pm fil-Knisja Arċipretali tas-Siġġiewi.

 L-għażla ta’ din il-parroċċa kienet waħda speċifika peress li s-sena li ninsabu fiha hi l-1700 anniversarju tal-Konċilju ta’ Niċea (325). Tradizzjoni antika tgħid li San Nikola ta’ Mira ħa sehem f’dan il-konċilju. Barra minn hekk, San Nikola hu qaddis ekumeniku.

“Huwa dover ta’ kull Nisrani li jitlob għall-għaqda fost il-Knejjes mifrudin. Dan l-impenn ekumeniku huwa parti mill-missjoni tal-Knisja minn żmien il-Konċilju Vatikan II,” kompla l-Monsinjur.

Ritratt via Storyblocks.com

ĦSIEB GĦAL KULJUM GĦAL MATUL IL-ĠIMGĦA EKUMENIKA

Imħejji minn Dr Patricia Micallef

Peress li hawn f’Malta, dal-ħsieb spiss jinqara mis-saċerdot fil-bidu tal-quddiesa, il-Kummissjoni Ekumenika – għal darb’oħra – tipprova tgħaqqad dal-ħsieb mal-liturġija tal-ġurnata. Dan jista’ jgħin lill-Poplu t’Alla.

Min jixtieq isegwi ħsibijiet oħra – dawk użati f’pajjiżi oħra – jista’ jsegwi din il-ħolqa:

http://www.christianunity.va/content/unitacristiani/en/settimana-di-preghiera-per-l-unita/semaine-de-priere-pour-l-unite-des-chretiens-20241/anglais.html

Is-Sibt, 18 ta’ Jannar 2025

Illum qed nagħtu bidu għall-Ġimgħa ta’ talb għall-Għaqda fost l-Insara li matulha nitolbu flimkien ma’ dawk kollha li jemmnu fi Kristu li nkunu lkoll ħaġa waħda, bħalma talab l-Iben t’Alla nnifsu ftit qabel il-passjoni tiegħu. Din is-sena, it-tema magħżula mill-komunità ta’ Bose, l-Italja, tikkonsisti fil-kliem ta’ Ġesù lil Marta wara l-mewt ta’ ħuha Lazzru: ‘Temmnu int dan?’

Fl-Evanġelju tallum, Ġesù jsejjaħ lil Levi, li minnufih ħalla l-mejda tat-taxxi u mar warajh. Levi emmen li Ġesù kien se jagħtih ħafna iktar minn dak li kien iroddlu xogħlu. Ejjew nitolbu l-grazzja li aħna wkoll li nisimgħu leħen Ġesù fil-ħajja tagħna ta’ kuljum nissugraw nemmnu fih u nagħmlu għażla radikali favurih.

Il-Ħadd, 19 ta’ Jannar 2025

‘Imlew il-ġarar bl-ilma.’ Dan kien kliem Ġesù lill-qaddejja fit-tieġ ta’ Kana. U dawk imlewhom sax-xfar. Emmnu kliemu u għamlu kif ordnalhom. Ma kellhomx x’jitilfu għax l-inbid kien spiċċa. Imma xorta kellhom bżonn ta’ ħafna fiduċja f’dak il-mistieden għat-tieġ fil-mument ta’ kriżi qawwija. Aħna wkoll ngħaddu minn bosta mumenti diffiċli f’ħajjitna fejn it-twemmin tagħna f’Ġesù jiġi sfidat bil-kbir. Ħafna drabi, aħna wkoll nisimgħu kliemu jidwi f’qalbna: ‘Temmnu int dan?’ Ejjew nitolbu llum li għal kliemu, aħna nwieġbu bla dewmien u b’ġenerożità biex il-grazzja tiegħu tkun tista’ tagħmel fina u bina ħwejjeġ kbar.

It-Tnejn, 20 ta’ Jannar 2025

F’dan it-tielet jum ta’ talb għall-Għaqda fost l-Insara, naraw lid-dixxipli ta’ Ġwanni u lill-Fariżej jistaqsu lil Ġesù dwar is-sawm. U Ġesù jweġibhom b’eżempji li bihom setgħu jifhmu malajr. La Ġesù kien f’nofshom, magħhom, ma kienx żmien is-swied ta’ qalb imma żmien il-ferħ. Ġesù ma ġiex biex iraqqa’ imma biex iġedded kollox. Ejjew nitolbu l-grazzja li aħna nagħrfu li l-għarus qiegħed magħna, li minkejja d-dwejjaq tal-ħajja, aħna nkabbru fina tama sħiha f’dak li ġie jġibilna l-milja tal-ferħ. Nitolbu li naraw lil Ġesù b’għajnejn ġodda, meħlusa mill-irbit fieragħ tat-tradizzjonijiet, sabiex l-impenn tagħna lejh ikun sod u mġedded, miftuħ għal kull min jemmen fih.

It-Tlieta, 21 ta’ Jannar 2025

Illum naraw lill-Fariżej jagħmlu mistoqsija oħra lil Ġesù, din id-darba fuq l-għaliex id-dixxipli tiegħu jagħmlu dak li ma jiswiex tagħmel nhar ta’ Sibt. Bħal donnhom kienu l-ħin kollu għassa tiegħu biex jaraw fiex ser jaqbduh. Illum, fir-raba’ jum ta’ talb għall-Għaqda fost l-Insara, ejjew nitolbu l-grazzja li ma nħallux it-tradizzjonijiet jifirduna. Ejjew nitolbu biex Ġesù jagħmel minna nies b’qalb miftuħa u b’ħarsa mġedda sabiex ma nkunux ilsiera tal-Liġi imma nies ħielsa li jemmnu tassew fil-persuna ta’ Ġesù u fit-tagħlim tiegħu sabiex fl-oħrajn ma narawx theddida imma aħwa li qegħdin jimxu magħna l-mixja lejn sid is-Sibt.

L-Erbgħa, 22 ta’ Jannar 2025

Aħna u niċċelebraw il-festa ta’ San Publiju, nisimgħu rakkont mill-isbaħ dwar kif il-prinċep ta’ Malta laqa’ għandu għal tlett ijiem sħaħ lil Pawlu u lil dawk li kienu miegħu. Publiju ma tmeżmiżx jilqa’ għandu lil dawn il-ħabsin, lis-suldati u lill-ekwipaġġ fi triqthom lejn Ruma. Jekk f’Pawlu għaraf bniedem straordinarju li ma mietx bil-gidma tal-lifgħa, lill-oħrajn ma kienx jaf x’kienu jsarrfu. Illum nitolbu l-grazzja li ma nċaħħdu qatt lill-proxxmu tagħna mill-ħniena tagħna. Lil Ġesù li qed jagħmel lilna wkoll il-mistoqsija: ‘Temmnu int dan? Temmen int li kulma tagħmel mal-iżgħar fost dawn ħuti tkun qed tagħmlu miegħi?’, ejjew nitolbuh  jiżra’ f’qalbna ż-żerriegħa tal-ħniena. Nitolbuh irattab fina l-ebusija tal-qalb sabiex aħna wkoll, bħalu, nagħtu lil kull persuna d-dinjità li jistħoqqilha.

Il-Ħamis, 23 ta’ Jannar 2025

Fl-Evanġelju tallum, is-sitt jum ta’ talb għall-Għaqda fost l-Insara, naraw kotra kbira ta’ nies li jmorru ħdejn Ġesù, li jgħaffġu fuqu biex imissuh, hekk li Ġesù jitlob lid-dixxipli jħallu dgħajsa fil-qrib biex ikun jista’ jitla’ fiha f’kas ta’ bżonn. F’din il-quddiesa, ejjew nitolbu l-grazzja li aħna wkoll ikollna fina l-ħeġġa li nkunu ħdejn Ġesù, li nfittxu li mmissuh f’kull ħtieġa tagħna. Ġesù qed jistaqsi lilna wkoll: ‘Temmen int li għandi ssib is-serħan?’ Ejjew nersqu qrib Ġesù mhux waħedna imma flimkien ma’ oħrajn, anke ma’ dawk li ġejjin minn diversi pajjiżi fid-dinja, sabiex fih nagħrfu l-Iben ta’ Alla li jilqa’ lil kulmin jersaq lejh.

Il-Ġimgħa, 24 ta’ Jannar 2025

Illum naraw lil Ġesù li jagħżel għalih tnax-il raġel biex jibqgħu miegħu u biex jieħdu sehem huma wkoll fil-missjoni tiegħu fuq l-art. F’dawn it-tnax, Ġesù poġġa l-fiduċja tiegħu, anke f’Ġuda l-Iskarjota li San Mark iżid għalih: ‘dak li ttradieh’. Lejlet l-għeluq tal-Ġimgħa ta’ talb għall-Għaqda fost l-Insara, ejjew nitolbu l-grazzja li ma nibżgħux nersqu Ġesù sabiex insiru nixbhuh dejjem iktar. Nitolbu wkoll sabiex minkejja d-diversità kulturali tagħna, aħna kollha li nemmnu f’Ġesù ma nibżgħux quddiem is-sejħa tagħna li nxandru l-Kelma u li niġġieldu ’l-Ħażin imma nfittxu li naqdu l-missjoni tagħna b’fedeltà sħiħa lejn dak li sejħilna u li fih emminna.

Illejla, fis-6:30 p.m. se jsir il-Ġublew mal-Aħwa Nsara minn Knejjes oħra fil-Knisja Arċipretali tas-Siġġewi. Kulħadd huwa mistieden.

Is-Sibt, 25 ta’ Jannar 2025

F’dan l-aħħar jum ta’ talb għall-Għaqda fost l-Insara, meta f’Malta qed niċċelebraw il-konverżjoni ta’ missierna San Pawl, ejjew ningħaqdu ma’ dawk kollha li jemmnu fi Kristu Ġesù madwar id-dinja u nitolbu l-grazzja li aħna nkunu sinjal ħaj tal-bidla li Ġesù jrid iġib fil-ħajja ta’ dawk kollha li jemmnu fih. Ejjew nitolbu lil Ġesù biex jagħmel minna persuni li mqanqlin mill-imħabba, iwasslu fil-qalb u fil-ħajja ta’ kulmin jemmen il-bidla meħtieġa kif ukoll it-tama li Ġesù, sid il-ħajja, ma jagħlaqx għajnejh għall-ħtiġijiet tagħna. Nitolbu l-grazzja li aħna li għall-mistoqsija ta’ Ġesù ‘Temmnu int dan?’ inwieġbu ‘Int taf li nemmen’, insiru tant nixbhuh li bħalu naslu nagħmlu mal-oħrajn l-għeġubijiet kbar li wegħidna hu.

Unrecognizable woman holding a bible in her hands and praying

TALB TA’ MAĦFRA – ATT PENITENZJALI

Imħejji minn Rev. Dr Mark Joseph Zammit

Missier Ħanin, nirrikonoxxu b’dispjacir id-diviżjonijiet li jifirdu l-Knisja tiegħek. Il-kburija u l-ebusija tagħna kisru l-għaqda li tixtieq Int. Aħfrilna l-indifferenza tagħna lejn il-feriti kkawżati mid-diviżjoni u n-nuqqas tagħna li nfittxu bażi komuni fil-fidi. Ġedded fina l-ispirtu tal-umiltà, l-imħabba u l-fehim, biex nimxu flimkien bħala ġisem wieħed, u nfaħħruk b’vuċi waħda. Mulej ħniena.

Missier, nistqarru li l-missjoni li nxandru l-Evanġelju tiegħek spiss kienet imfixkla mid-diskordja u l-kompetizzjoni. Inqasna milli nixhdu l-imħabba tiegħek permezz minħabba l-firdiet. Aħfrilna talli ma tajniex kas tas-sejħa għar-rikonċiljazzjoni u talli ħallejna l-ostakli umani jifirdu l-familja tiegħek. Agħtina l-kuraġġ biex ninvolvu ruħna f’djalogu onest u perseveranti biex nibnu pontijiet ta’ paċi, biex kulħadd jara l-preżenza tiegħek fl-għaqda tagħna. Kristu ħniena.

Missier, nirrikonoxxu l-uġigħ ikkawżat minn sekli ta’ diviżjoni fost l-Insara. Nindmu għall-ġudizzji u l-inkomprensjonijiet li sawru l-ebusija tal-qlub tagħna kontra xulxin. Ferra’ l-grazzja tiegħek li tfejjaq fuq il-komunitajiet kollha, biex naħfru kif aħna stess ġejna maħfura. Mexxina lejn rikonċiljazzjoni vera, fejn il-feriti tal-passat jiġu mfejqa u l-ġenerazzjonijiet futuri jimxu flimkien fil-fidi, fit-tama u fl-imħabba. Mulej ħniena.

INVOKAZZJONIJIET GĦALL-ĠIMGĦA TA’ TALB GĦALL-GĦAQDA TAL-INSARA

Imħejjija minn Anna Caruana Colombo

Waħda jew aktar minn dawn it-talbiet tista’ tiżdied mat-talbiet li jsiru waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa, tat-Tifħir ta’ Sbiħ il-Jum u l-Għasar, jew waqt l-Adorazzjoni Ewkaristika.

Nitolbuk, Missier Qaddis, biex l-Insara, membri ta’ Knejjes mifrudin minn xulxin, jersqu aktar lejn xulxin biex jaħdmu għall-għaqda li Int trid tara bejniethom. Nitolbu.

Nitolbuk, Missier Qaddis, għal dawk kollha li tajthom il-missjoni fost il-Poplu tiegħek, biex jikkoordinaw il-ħafna ħidmiet biex jinġiebu ’l quddiem tant sforzi biex il-Knejjes mifrudin ifittxu dak li jgħaqqadhom. Nitolbu.

Nitolbu, Mulej, għall-grazzja li naħdmu flimkien ma’ ħutna Nsara ta’ Knejjes oħra biex nwasslu il-paċi kulfejn inkunu. Nitolbu.

Flimkien ma’ ħutna ta’ Knejjes oħra, fil-Ġimgħa ta’ talb għall-għaqda tal-Nsara, nitolbu Mulej, għall-popli li qed isofru il-ġuħ u il-faqar, biex tasal għandhom l-għajnuna li għandhom bżonn. Nitolbu.

Nitolbu, Mulej, flimkien ma’ ħutna ta’ Knejjes oħra, biex nagħrfu naħdmu flimkien, u noħorġu u nersqu lejn in-nies li huma ’il bogħod minnek. Nitolbu.

Nitolbu lill-Mulej f’din il-ġimgħa ta’ talb ghall-għaqda fost l-Insara biex flimkien nagħrfu ngħinu lil ħutna li qed ibatu f’żoni ta’ konflitt.

Nitolbu lill-Mulej, f’din il-ġimgħa ta’ talb għall-għaqda fost l-Insara biex flimkien ma ħutna fi knejjes oħra noħorġu ngħinu lill-bnedmin li huma morda, batuti jew fil-bżonn.

Nitolbu lill-Mulej, f’din il-ġimgħa ta’ talb għall-għaqda fost l-Insara, biex nagħrfu napprezzaw u nilqgħu lil ħutna Nsara ta’ knejjes oħra. 

Ritratti kollha via Storyblocks.com

LURA GĦALL-FAĊĊATA