Tfal u żgħażagħ jimxu l-Via Sagra f’Ġerusalemm għall-paċi

Marinella Bandini via Catholic News Agency

Nhar il-Ġimgħa, 23 ta’ Frar, grupp kbir ta’ żgħażagħ mxew mat-toroq ta’ Ġerusalemm għall-ewwel darba minn meta faqqgħet il-gwerra bejn l-Iżrael u l-Ħamas f’Ottubru li għadda. Madwar elf tifel u tifla u żgħażagħ minn skejjel tal-Knisja mxew il-Via Sagra biex joffru talb għall-paċi.

L-inizjattiva, bit-titlu “It-Triq tas-Salib… Triq il-Paċi,” ġiet organizzata mill-Kustodja tal-Art Imqaddsa u involviet 12-il istituzzjoni, inklużi żewġ skejjel tal-Knisja Anglikana u l-iskola tal-Knisja Appostolika Armena, kif ukoll diversi gruppi Kattoliċi. Kienu preżenti ukoll Patri Francesco Patton, il-kustodju tal-Art Imqaddsa, u d-delegat appostoliku għal Ġerusalemm, Patri Adolfo Tito Yllana.

Folla żgħira ta’ studenti u professuri minn skejjel tal-Knisja f’Ġerusalemm li ħadu sehem fil-Via Sagra fit-23 ta’ Frar. Ritratt: Marinella Bandini

Il-Via Sagra bdiet fil-Knisja tal-Flagellazzjoni u ntemmet fil-Knisja ta’ San Salvatur. L-ewwel tmien stazzjonijiet saru tul ir-rotta tradizzjonali tal-Via Sagra. F’kull stazzjon, wara l-qari tal-Iskrittura u t-talb, żewġt itfal ħarġu par ħamiem, sinjal viżibbli tat-talb għall-paċi u l-libertà mtella’ mill-iżgħar parteċipanti.

“Kull sena, norganizzaw Via Crucis mal-istudenti mill-iskejjel,” spjega lis-CNA Patri Ibrahim Faltas, vigarju tal-Kustodja tal-Art Imqaddsa u direttur tal-Iskejjel Terra Sancta. Is-sena li għaddiet, l-avveniment kellu reżonanza partikolari: L-istudenti libsu xalpi ħomor – lewn tad-demm – bix-xbieha tal-istatwa vandalizzata ta’ Ġesù, li kienet ġiet profanata ftit ġimgħat biss qabel fil-bini tal-kumpless tal-Flagellazzjoni.

Ħamiema ttir wara li tinħeles quddiem ir-raba’ stazzjon tal-Via Sagra, tul il-Via Dolorosa f’Ġerusalemm. Kreditu: Marinella Bandini

L-istatwa mkissra u mħassra qatt ma ġiet restawrata u saret simbolu ta’ Ġesù li jbati. Din is-sena ukoll sar l-ewwel stazzjon tal-Via Sagra madwar dik l-istatwa.

“Għax-xalpi, għażilna l-abjad, il-kulur tal-paċi,” qal Patri Faltas. “L-iskrizzjonijiet ‘Da nobis pacem Domine’ u ‘Agħtina l-paċi’ jiffurmaw salib fuq id-drapp. Stampajna ukoll ħamiema li żżomm fergħa taż-żebbuġ f’munqarha, is-simbolu tal-paċi.”

Grupp ta’ tfal madwar l-istatwa vandalizzata ta’ Ġesù fil-bidu tal-Via Sagra. Kreditu: Marinella Bandini

Patri Faltas enfasizza l-importanza tal-libertà tal-qima fid-dawl ta’ rapporti riċenti li jissuġġerixxu li l-gvern Iżraeljan qed jikkunsidra jirrestrinġi l-aċċess matul ix-xahar tar-Ramadan.

“Ġerusalemm trid tkun miftuħa għal kulħadd; dik hija n-natura tagħha. In-nies ma jistgħux jiġu sopressi milli jmorru jitolbu, fi kwalunkwe età. Kulħadd għandu d-dritt li jitlob fil-postijiet ta’ qima tiegħu. Jekk matul ir-Ramadan in-nies ma jistgħux jilħqu l-moskeja, tkun problema sinifikanti,” qal.

Stazzjonijiet 9 sa 14 saru fil-Knisja Franġiskana ta’ San Salvatur u fi tmiem il-Via Sagra, il-kustodju tal-Art Imqaddsa għamel meditazzjoni qasira fuq id-don ta’ Ġesù, li ta ħajtu għall-umanità kollha – anke għal dawk li ppersegwitawh.

L-istudenti jaslu fil-Knisja Franġiskana ta’ San Salvatur. Stazzjonijiet 9 sa 14 saru fil-knisja. Kreditu: Marinella Bandini

“Ejjew nitolbuh il-grazzja li nżommu qalbna ħielsa mill-mibegħda u mix-xewqa ta’ vendetta kontra dawk li jagħmlulna l-ħsara. Ejjew nitolbu lil Ġesù, li fetaħ dirgħajh bejn is-sema u l-art, biex illum jgħinna nibnu pont ta’ paċi permezz tal-impenn tagħna għall-paċi u r-rikonċiljazzjoni fl-Art Imqaddsa u madwar id-dinja,” qal Patri Patton.

Wara l-attività, il-kustodju tkellem mal-ġurnalisti li kienu preżenti għall-attività, fejn ikkummenta dwar il-parteċipazzjoni tat-tfal.

Żewġt itfal iżommu ħamiem, li ħarġu mumenti wara, bħala sinjal viżibbli tat-talb għall-paċi. Ritratt: Marinella Bandini

“Din il-Via Sagra kellha ukoll l-għan li tħeġġeġ lil uliedna biex jibqgħu sodi fit-tama,” qal. “F’mumenti meta jidher li n-nies ma jistgħux jaslu għal ftehim, irridu nħabbtu b’mod aktar insistenti fuq il-bieb ta’ Alla bit-talb tagħna, sabiex dawk li jridu u jistgħu jipprovdu soluzzjoni għal din il-gwerra jkunu iggwidati lura għar-raġuni.”

Traduzzjoni mħejjija minn Lara Zammit għal tbissima.mt. It-test oriġinali bl-Ingliż jappartjeni lill-Catholic News Agency

LURA GĦALL-FAĊĊATA