‘Talba lil Marija Bambina’ tal-poeta nazzjonali Dun Karm Psaila

Fil-poeżija Talba lil Marija Bambina, Dun Karm irodd il-ħajr lil Marija Bambina li dejjem ħarsitna f’kull mument diffiċli li seffaq wiċċu miegħu l-poplu Malti. L-għeluq ta’ dawn l-erbatax-il vers jikkonfermaw il-ħtieġa li l-Bambina tibqa’ tħarisna u żżommna mexjin urajha.

Issa l-waqt; la tinsiex, Ommna Marija,
Li dejjem Int ħarist lill-gżejjer tagħna;
Jekk ġradi u mard, jekk theżhiżiet qawwija,
Lilek sejjaħna u dejjem sibniek magħna.

U meta l-Mislem mgħaddab fil-ħruxija
Ħejja miġfna bin-nar u n-nies setgħana,
U ħaxken lil din l-art fix-xogħol medhija,
U ħalef bil-Qoran li jrid jiblagħna,

Lilek sejjaħna – tixhdu l-isbaħ Storja –
U int weġibt hekk ħelu li għalina
It-twelid tiegħek sar jgħid “Vittorja”.

Għalhekk dan issa l-waqt: tinsiex, Madonna;
Kif kont fl-imgħoddi kun illum ħanina,
Jekk trid li nibqgħu tiegħek bħalma konna.

Dun Karm Psaila

LURA GĦALL-FAĊĊATA