Suċċess fl-ewwel jum tal-maratona Oħloq Tbissima b’€84,150 miġbura

L-ewwel jum tal-maratona Oħloq Tbissima bdiet b’mod spettakolari. Sa tmiem it-trasmissjoni ta’ lbieraħ bil-lejl, ġew miġbura €84,150 – somma sabiħa li turi ċar kemm il-poplu Malti u Għawdxi għandu qalb tad-deheb u lest li jgħin fejn hemm bżonn. Il-maratona tkompli illeja fl-4pm.

Il-maratona, li qed tixxandar live mill-istudios ta’ CPI Media f’Santa Venera, infetħet b’mod solenni b’quddiesa ċelebrata minn Fr Mark Grima, biex ikun rifless il-valuri tat-tama, l-għotja u l-għaqda.

Matul il-ġurnata, il-maratona rat preżenza importanti ta’ figuri distinti, fosthom il-Prim Ministru Robert Abela, li għamel żjara speċjali fl-istudios ta’ Santa Venera. Huwa faħħar l-inizjattiva bħala eżempju ċar ta’ Malta b’qalbha kbira, u saħaq fuq l-importanza li nkomplu ngħinu l-missjonijiet u l-proġetti ta’ għajnuna umanitarja li jiddependu fuq l-appoġġ ġeneruż tal-pubbliku. Huwa ntlaqa’ minn Fr Martin Galea, Superjur Ġenerali tal-MSSP, u Fr Louis Mallia, id-direttur ta’ Dar San Ġużepp u CPI Media.

Il-programm tal-maratona joffri taħlita emozzjonanti ta’ mużika live, stejjer ta’ tama minn persuni li esperjenzaw l-għajnuna direttament, u interventi minn personalitajiet magħrufa li qed jagħtu sehhemhom biex jinġabru aktar fondi. Fostom kien hemm Joe (id Dulli) u Veronica u l-ġurnalist Mark Laurence Zammit.

Il-maraton se tkompli b’ritmu qawwi tul il-ġranet li ġejjin, b’appelli kontinwi lill-pubbliku biex ikompli jżid mas-suċċess diġà miksub. Il-kontribuzzjonijiet jistgħu jsiru faċilment permezz ta’ telefonati, SMS, jew online fuq il-paġna uffiċjali tal-maraton.

Il-messaġġ ċentrali jibqa’ wieħed: kull donazzjoni, tkun kemm tkun żgħira, tista’ toħloq tbissima – tbissima li timxi ’l hinn mill-iskrins tat-TV, u tinbidel f’tama reali għal dawk li għandhom l-aktar bżonn.

Hawn taħt hawn l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tagħti donazzjoni lill-maratona Oħloq Tbissima. B’donazzjoni tiegħek, inti qed tagħti t-tama lil mijiet ta’ persuni fil-bżonn, f’Malta u f’pajjiżi oħra.

Kif Tista’ Tagħti D-Doni Tiegħek:

B’Telefonata:
Ċempel 5180 2009 għal donazzjoni ta’ €25
Ċempel 5190 2080 għal donazzjoni ta’ €50

Permezz tal-BOV Mobile App:
Ibgħat id-donazzjoni tiegħek fuq in-numru 7920 2035

Pledge Line (għal wegħda ta’ donazzjoni):
Ċempel fuq in-numru 2144 5544

B’SMS:
Ibgħat SMS fuq 5061 9285 għal donazzjoni ta’ €11.65

Personalment:
Tista’ wkoll tagħti d-donazzjoni fid-Dar ta’ San Ġużepp, Santa Venera, matul il-jiem tal-maratona.

Kull donazzjoni tagħmel differenza. Agħti t-tama – Oħloq Tbissima.

LURA GĦALL-FAĊĊATA