Stedina għall-koppji li żżewġu s-sena li għaddiet u dawk li se jiżżewġu din is-sena

Stqarrija għall-Istampa

Il‑Moviment ta’ Kana qed jistieden lill‑koppji li żżewġu matul is-sena li għaddiet u l‑koppji li se jiżżewġu fl-2025 għaċ-ċelebrazzjoni tal‑quddiesa.

Il‑quddiesa għall-koppji li ngħaqdu fis-sagrament taż-żwieġ is-sena li għaddiet se titmexxa mill-Arċisqof Charles Scicluna u se ssir għada s‑Sibt, 4 ta’ Jannar 2025, fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann, il‑Belt Valletta, fis‑5:45pm.

Il‑quddiesa għall‑għarajjes li se jiżżewġu dis‑sena se ssir mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi, nhar is‑Sibt, 11 ta’ Jannar 2025, fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann, il‑Belt Valletta, fis‑5:45pm.

Fi tmiem il-quddiesa, l-Arċisqof u l-Isqof Awżiljarju se jiltaqgħu mal-koppji.

Il-Moviment ta’ Kana hija organizazjoni fi ħdan il-Knisja ta’ Malta li twaqqfet fis-sena 1956.

Hija organiżazzjoni volontarja li tiġbor fiha nies li għandhom għall-qalbhom il-familja u l-ħajja miżżewwġa. Il-Moviment ta’ Kana huwa immexxi mill-Kunsill ta’ Kana li jiġi elett mill-membri ta’ Kana u l-missjoni tagħhom hija li jakkumpanjaw lill-koppji li qed iħejju ruħhom għall-ħajja miżżewġa, koppji jew individwi li għaddejjin minn żmien diffiċli fir-relazzjonijiet tagħhom jew fil-ħajja personali, koppji sabiex isaħħu iż-żwieġ u l-ħajja fil-familja tagħhom u li jippromwovu il-ħajja miżżewġa bħala waħda għall-dejjem, fidila u miftuħa għall-ħajja.

L-ewwel kors tat-tħejjija għaż-żwieġ kien sar tas-Sliema fl-1952, immexxi minn Mons. Charles G. Vella li dak iż-żmien kien għadu seminarista. Matul l-ewwel snin ta’ ħidma, Il-Moviment stabbilixxa ruħu bħala wieħed li joffri servizzi marbutin mal-familja u servizzi ta’ counselling.

Għal aktar tagħrif, żuru movimenttakana.mt

Ritratti via Storyblocks.com

LURA GĦALL-FAĊĊATA