Statwa tal-Madonna ta’ Lourdes tagħlaq 160 sena fis-santwarju tagħha

Nicolás de Cárdenas via ACI Prensa

Ix-xbieha tal-Immakulata Kunċizzjoni preżenti fil-grotta tas-Santwarju tal-Madonna ta’ Lourdes fi Franza għalqet 160 sena fl-4 ta’ April. Minquxa fl-irħam ta’ Carrara mill-iskultur Joseph Fabisch, id-disinn kien ibbażat fuq il-parir ta’ Santa Bernarda Soubirous li ta’ 18-il sena rat id-dehra ta’ Santa Marija bejn il-11 ta’ Frar u s-16 ta’ Lulju tal-1858.

L-istatwa tpoġġiet fil-grotta ta’ Lourdes fl-1864, fl-okkażjoni tal-Festa tal-Lunzjata.

Il-karatteristiċi tal-wiċċ kif ukoll id-dettalji tal-ilbies tagħha segwew id-deskrizzjoni li għamlet il-qaddisa Franċiża tal-ewwel laqgħa tagħha mal-Verġni: “Rajt mara liebsa l-abjad: kienet liebes libsa bajda, velu abjad ukoll, ċinturin blu u kellha warda safra fuq kull sieq”.

Meta Fabisch irċieva l-inkarigu, l-ewwel bagħat kwestjonarju lill-qaddisa u wara ltaqa’ magħha fil-belt ta’ Lourdes biex jistaqsiha aktar mistoqsijiet. Wara ftit, bagħtilha ritratt tal-ewwel mudell tal-iskultura.

Lourdes, Haute Pyrénées, Franza: pellegrini li jitolbu quddiem il-grotta u ritratt ta’ Bernadette Soubirous. Ritratt: Dominju Pubbliku

Skont is-sit tas-Santwarju, il-viżjonarja “ikkritikat l-ewwel tentattiv tiegħu” biex ipinġi l-Immakulata Kunċizzjoni.

“Min-naħa tal-lemin, il-velu jeħel mar-ras u l-għonq, u joħloq kurva mir-ras għall-ispalla” qalet. Skont il-qaddisa, “il-velu niżel b’mod uniformi, u kien jgħatti kemm l-ispallejn kif ukoll il-minkbejn. Il-libsa mhix daqshekk twila (…). L-għonq huwa espost wisq fin-naħa t’isfel tad-dahar. Idejha kienu eqreb flimkien, is-swaba’ magħqudin u ssikkati; is-sieq tax-xellug dehret ftit wisq ’il bogħod minn xulxin (…). U nesa r-rużarju.”

Dan it-tentattiv lanqas ma ssodisfa l-aspettattivi ta’ Patri Dominique Peyramale, kappillan ta’ Lourdes fi żmien id-dehriet: “Il-wiċċ ma jidhirx ġovanili u lanqas m’hu qed jitbissem biżżejjed”.

L-iskultur ipprova jerġa’ jikkomponi d-diżinn tiegħu u jittrasferih għall-irħam: “Fil-31 ta’ Marzu, 1864, l-istatwa waslet fil-presbiterju ta’ Lourdes u ċemplu lil Bernadette,” jiddettalja s-sit tas-Santwarju.

L-istorja tkompli li “l-irħam ta’ Carrara ġie estratt mill-kaxxa mimlija tiben” fil-preżenza ta’ Patri Peyramale u Patri Ollivier.

“Dan hu tajjeb?” staqsa dan tal-aħħar. It-tfajla ppruvat tgħid iva, bħallikieku b’mod edukat, imma ikkoreġiet ruħha u qalet fl-aħħar: “Le, mhux hekk!”

X’inhu s-Santwarju ta’ Lourdes?

Is-Santwarju tal-Madonna ta’ Lourdes, li jinsab fil-belt Franċiża ta’ Lourdes, huwa magħmul minn sensiela ta’ bini u postijiet iddedikati għall-qima ta’ Santa Marija. Il-kumpless jinkludi l-bażiliki tal-Kunċizzjoni, il-Madonna tar-Rużarju u San Piju, kif ukoll il-grotta tad-dehriet, fejn il-Verġni dehret lil Santa Bernarda Soubirous.

The Virgin of Lourdes. Embroidery, 1872. Ritratt: Dominju Pubbliku

Fis-Santwarju ta’ Lourdes jiġu kull sena eluf ta’ pellegrini, speċjalment dawk li jbagħtu minn xi mard tal-ġisem. L-ewwel kura rikonoxxuta bħala mirakoluża saret fl-istess sena tad-dehriet, iżda ma ġietx approvata qabel l-1862.

Minn dakinhar, 70 ġrajja inspjegabbli mil-lat xjentifiku ġew attribwiti għall-interċessjoni tal-Verġni ta’ Lourdes.

Madwar is-Santwarju hemm żewġ tipi ta’ gruppi ta’ voluntiera. Waħda hija dik li taqdi l-kumpless, tgħin biex tinżamm il-klima ta’ talb, tikkollabora fiċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi u ġeneralment tiffaċilita l-waqfa tal-pellegrini. Huwa ffurmat minn voluntiera minn pajjiżi differenti, l-aktar Franċiżi, Taljani, Spanjoli, Ġermaniżi jew Irlandiżi, fost oħrajn.

Il-bqija huma għaqdiet ta’ fidili mqassma f’pajjiżi differenti li l-missjoni tagħhom hija li jorganizzaw il-pellegrinaġġi li jsiru kull sena fis-santwarju.

Traduzzjoni mħejjija u adattata minn Lara Zammit għal tbissima.mt. It-test oriġinali bl-Ispagnol jappartjeni lill-Catholic News Agency. Dan l-artiklu kien ippubblikat oriġinarjament fuq ACI Prensa.

LURA GĦALL-FAĊĊATA