Skopri l-kappella moħbija f’Ruma fejn mietet Santa Katarina ta’ Siena

Courtney Mares via Catholic News Agency

Filwaqt li ħafna nies jassoċjaw lil Santa Katarina mal-belt Taljana ta’ Siena, id-duttura tal-Knisja Dumnikana hija waħda mill-qaddisin patruni ta’ Ruma u qattgħet l-aħħar snin ta’ ħajjitha fil-Belt Eterna, fejn wieħed jista’ jżur il-qabar tagħha u l-kamra fejn mietet.

Dawn jinsabu kantuniera ’l bogħod mill-Panteon. Il-qabar ta’ Santa Katarina ta’ Siena jinsab ġewwa l-artal maġġur tal-Bażilika ta’ Santa Maria Sopra Minerva taħt saqaf impressjonanti blu u dehebien tal-unika knisja ta’ Ruma b’intern Gotiku.

Il-qabar ta’ Santa Katarina ta’ Siena jinsab ġewwa l-artal maġġur tal-Bażilika ta’ Santa Maria Sopra Minerva. Ritratt: Courtney Mares/CNA

Il-viżitaturi jistgħu jmissu l-qabar tal-irħam hekk kif jitolbu għarkobbtejhom wara l-artal, u ħafna jħallu biċċiet żgħar ta’ karti mħarbxa b’intenzjonijiet ta’ talb fuq is-sarkofagu tagħha.

Inqas magħruf mill-qabar tagħha huwa l-post eżatt fejn mietet Santa Katarina. Tista’ ssibha billi timxi żewġ minuti mill-bażilika tul il-Via di Santa Chiara. Il-bini fejn Santa Katarina kienet tgħix f’Ruma ma’ wħud mis-segwaċi tagħha ġie mibdul f’teatru, l-Opera Lirica di Roma.

Moħbija ġewwa l-bini tat-teatru hemm kappella żgħira indurata ddedikata lil Santa Katarina li timmarka l-post fejn mietet f’Ruma. Nies li jridu jżuru jistgħu sempliċement jieqfu u jgħidu lill-istaff tat-teatru li jixtiequ jitolbu fil-kappella.

In-nies jinżlu għarkubbtejhom fit-talb quddiem il-qabar ta’ Santa Katarina ta’ Siena. Ritratt: EWTN Vaticano

Suor Catherine Joseph Droste, Soru Dumnikana ta’ Santa Ċeċilja f’Nashville, Tennessee, hija professur tat-teoloġija fl-Angelicum f’Ruma. F’intervista fil-qabar ta’ Santa Katarina, Droste qalet lis-CNA dwar l-importanza ta’ Santa Katarina għall-belt ta’ Ruma.

“Santa Katarina hija ko-patruna ta’ Ruma ma’ Pietru u Pawlu minħabba l-irwol tagħha li tgħin lill-papat jirritorna Ruma,” qal Droste.

Il-qabar ta’ Santa Katarina jinsab fil-Bażilika ta’ Santa Maria Sopra Minerva f’Ruma. Ritratt: EWTN Vaticano

Meta Katarina twieldet fl-1347, il-Papa kien qed jgħix f’Avignon, Franza. Katarina kienet soda fuq il-fatt li l-Papa kellu bżonn jerġa’ lura Ruma, tant li marret Avignon u tkellmet mal-Papa Girgor XI u ħeġġiġu biex iwettaq wegħda sigrieta li kien għamel li jekk isir Papa, jerġa’ jirritorna l-papat f’Ruma.

Girgor eventwalment laqa’ t-talba tagħha u mar lura Ruma fl-1370, iżda matul ir-renju tas-suċċessur tiegħu, il-Papa Urbanu VI, kardinali Franċiżi mhux kuntenti bl-isforzi ta’ riforma tiegħu eleġġu antipapa f’Avignon.

“Urbanu talab lil Katarina tiġi Ruma, għalhekk ġiet Ruma fl-aħħar tal-1378 biex tgħin lil Urbanu fir-riforma,” spjegat Droste.

Il-bini fejn Santa Katarina kienet tgħix f’Ruma ma’ wħud mis-segwaċi tagħha ġie mibdul b’teatru, l-Opera Lirica di Roma. Moħbija ġewwa l-bini tat-teatru hemm kappella żgħira indurata ddedikata lil Santa Katarina li timmarka l-post fejn mietet f’Ruma. Ritratt: Courtney Mares/CNA

“U Katarina, fl-aħħar xhur ta’ ħajjitha, minkejja li kienet marida ħafna, kienet timxi kuljum mir-residenza tagħha f’Ruma sal-Vatikan. Kienet tmur hemm kuljum u titlob għall-Papa,” qalet.

“Tistgħu taraw illum eżatt kif tidħol fil-Vatikan qabel ma tidħol fil-knisja prinċipali fin-narthex – jekk iddur, fuq id-daħla hemm mużajk ta’ Kristu u d-dgħajsa bl-appostli fiha – li kienet mill-bażilika oriġinali. Kien f’post differenti, iżda huwa rrappurtat li hemmhekk Katarina kienet titlob kuljum għas-suċċessur ta’ Pietru.”

Wara li mietet Katarina fir-rebbiegħa tal-1380, il-ħitan tal-kamra fejn mietet ġew trasformati f’kappella żgħira ġewwa l-Bażilika ta’ Santa Marija Sopra Minerva. (Wieħed jista’ jżur din il-kappella ukoll billi jgħaddi mis-sagristija tal-bażilika, li huwa post storiku fih innifsu għax ospita żewġ konklavi papali fis-seklu 15.)

Suor Catherine Joseph Droste fil-kappella fil-Bażilika ta’ Santa Marija Sopra Minerva mibnija mal-ħitan tal-kamra fejn mietet Santa Katarina. Ritratt: Courtney Mares/CNA

Il-Papa Piju IX sejjaħ lil Santa Katarina ko-patruna ta’ Ruma f’April 1866 filwaqt li l-Papa Piju XII sejjaħ lil Katarina ko-patruna tal-Italja fl-1939, flimkien ma’ San Franġisk ta’ Assisi.

“Katarina influwenzatni ħafna fl-imħabba tiegħi lejn il-Knisja, fl-imħabba tiegħi lejn il-papat,” irriflettiet Droste, li rċeviet l-isem Catherine meta għamlet il-wegħdiet tagħha bħala oħt reliġjuża.

“Wieħed mill-aktar messaġġi importanti ta’ Katarina tgħalmitu mingħand Kristu,” żiedet tgħid.

“Kristu staqsieha jum wieħed, ‘Taf min int u min jien?’ U qalilha, ‘Int dik li mhix. Jien hu li hu.’ Issa dik hija frażi taʼ sfida għax ħafna nies jaħsbu li tfisser ‘Jien m’jien xejn.’ Tajjeb, jien xejn quddiem Alla għax ħalaqni u tani kollox. Imma f’għajnejh jien kollox għax jien bniedem li hu jħobb.

“U għalhekk, kienet tgħid Katarina, Kristu iħobbok kompletament. Għalhekk l-ewwel messaġġ ta’ Katarina hu li tifhem xi jfisser li tkun bniedem, li tkun maħbub minn Alla. U dan huwa importanti għal kull wieħed minna.”

Traduzzjoni mħejjija u adattata minn Lara Zammit għal tbissima.mt. It-test oriġinali bl-Ingliż jappartjeni lill-Catholic News Agency.

LURA GĦALL-FAĊĊATA