Skola mmexxija mill-MSSP fil-Pakistan tniedi Breakfast Club għall-istudenti  

Lara Zammit | tbissima.mt

L-iskola Joseph De Piro f’Lahore, il-Pakistan, mmexxija mis-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl (MSSP), nediet inizjattiva ġdida ta’ Breakfast Club għall-istudenti subien tagħha.  

“Il-Breakfast Club huwa ħsieb is-Sinjuri Roderick u Marguerite Agius li jiffurmaw parti mill-komunità fl-Oratorju tal-MSSP f’Birkirkara li qattgħu tliet ġimgħat magħna żewġ sjuf ilu,” spega Fr Gerard Bonello, superjur provinċjali tal-komunità MSSP fil-Pakistan.  

“Is-Sinjuri Agius ġabru fondi għal dan il-proġett, u bl-għajnuna tagħhom bnejna kċina u akkwistajna l-apparat kollu meħtieġ. Nedejna l-inizjattiva fl-ewwel ġimgħa ta’ Novembru tas-sena li għaddiet.” 

Is-Sur Roderick Agius (xellug) waqt żjara fl-iskola. Ritratt: MSSP Paksitan

Kien il-ħsieb tas-Sinjuri Agius li kull filgħodu l-iskola toffri kolazzjon deċenti lil-istudenti biex imbagħad ikunu jistgħu jattendu għall-lezzjonijiet tagħhom bil-konċentrazzjoni meħtieġa. Dan għaliex ħafna subien kienu jiġu l-iskola fuq stonku vojt, u jmorru d-dar saħansitra aktar bil-ġuħ. 

Il-kolazzjon huwa servut kuljum f’żewġ xiftijiet: l-Iżgħar studenti tal-pre-primary huma servuti fil-klassi fid-9.30am u l-istudenti l-kbar fil-11am.  

Fr Gerard spjega kif l-istaff residenti tal-iskola jipprepara kolazzjon Pakistani għal 500 ruħ, inkluż l-istaff kollu, u enfasizza li jippuvaw jagħmluha esperjenza familjari għall-istudenti daqs li kieku qiegħdin id-dar.  

Qal li din l-inizzjattiva ma kinitx tkun possibli mingħajr il-ġenerożità tal-benefatturi li kkontibwixxew għaliha.  

L-iskola tinsab f’Asif Town, Lahore, li fiha jinsabu ħafna fabbriki internazzjonali tal-farmaċewtika u tat-tessuti, miġbuda hemm mis-salarji baxxi offruti lil ħaddiema.  

Minħabba f’hekk, spjega Fr Gerard, il-kera hija għolja ħafna – mill-inqas daqs nofs salarju ta’ xahar sħiħ. Għalhekk fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, iż-żewġ ġenituri jridu jaħdmu biex jgħixu. 

“Is-subien tagħna jiġu minn dawn il-familji. Nitolbuhom PKR 300 [€1] fix-xahar minn Play Group Class sa PKR 600 għall-aktar klassi anzjana. 10% tas-subien ma jħallsux miżati, u aħna ngħinuhom bil-kotba u l-kartolerija. Aħna grati lejn MSSP Australia u Oħloq Tbissima, Malta, li jisponsorjaw is-salarji tal-istaff tagħna,” qal Fr Gerard.  

Bil-fondi miġbura mill-benefatturi, l-MSSP Pakistan bniet kċina żgħira bil-makkinarju u tagħmir kollu meħtieġ, u nkarigaw staff residenti biex jipprepara l-kolazzjon li qed jiġi servut waqt waqfa ta’ 30 minuta biex il-programm tal-lezzjonijiet tal-iskola jkun salvagwardjat.  

“Jista’ jidher redikoli li nsemmu li issa qed nipprovdu wkoll lis-subien bajda kull ġimgħa,” kompla Fr Gerard.  

“Ir-realtà hi li qatt ma jkollhom bajd id-dar għax minħabba s-salarji li jieħdu l-ġenituri tagħhom, il-prezz tal-bajd huwa projbittiv għalihom. 

“Jekk jogħġbok ippermettuli ngħid grazzi kbira f’isem is-subien li, grazzi għall-ġenerożità tal-benefatturi, issa qed jibbenefikaw direttament mill-għajnuna tagħkom.” 

Il-Knisja fil-Pakistan għadha Knisja relattivament żagħżugħa bl-iżvantaġġ miżjud li tkun pjuttost iżolata mill-bqija tal-Knisja. Għandu seba’ djoċesijiet b’1.7 miljun Kattoliku, kif ukoll aktar minn żewġ miljun Nisrani li jappartjenu għal denominazzjonijiet oħra. Protetti uffiċjalment mill-kostituzzjoni, l-Insara Pakistani għadhom jiffaċċjaw ħafna preġudizzji u kultant anke persekuzzjoni. 

Kull min jixtieq jagħti donazzjoni lil Oħloq Tbissima jista’ jagħmel dan fuq: ohloqtbissima.com/donate-step-1.php

LURA GĦALL-FAĊĊATA