Sebgħa mill-aktar noveni popolari

Francesca Pollio Fenton via Catholic News Agency

Novena hija forma tradizzjonali ta’ talb Kattoliku li ddum disat ijiem. Tipikament, nużaw in-noveni biex nitolbu lil Alla għal intenzjoni speċifika u ħafna jintalbu permezz tal-interċessjoni ta’ qaddis. In-noveni huma mod sabiħ kif nikbru fit-talb u titrawwem il-ħajja spiritwali tagħna.

Hawn huma sebgħa mill-aktar noveni popolari:

Novena lill-Ispirtu s-Santu

The Descent of the Holy Ghost (c.1545) ta’ Titian. Ritratt: Wikimedia Commons

Magħrufa ukoll bħala n-Novena ta’ Pentekoste, din kienet l-ewwel novena li qatt talbu mid-dixxipli ta’ Ġesù u l-Verġni Marija wara li Ġesù tela’ s-sema. Il-Kattoliċi jitolbu din in-novena matul id-disat ijiem li jaqgħu bejn il-festa tat-Tlugħ u l-festa ta’ Pentekoste. Bin-novena, nkunu qed nitolbu is-seba’ doni tal-Ispirtu s-Santu: l-għerf, il-fehma, il-kunsill, il-qawwa, ix-xjenza, il-pjetà u l-biża’ t’Alla.

Novena tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù

Il-Qalb ta’ Ġesù. Ritratt: Wikimedia Commons

Id-devozzjoni lejn il-Qalb ta’ Ġesù bdiet minn Santa Margerita Marija Alacoque wara li esperjenzat dehra ta’ Ġesù fejn wissiha biex ixxerred din id-devozzjoni.

Jingħad ukoll li San Piju ta’ Pietrelcina (Padre Pio) kien jitlob it-talb tan-novena tal-Qalb ta’ Ġesu kuljum. Nitolbu n-novena tal-Qalb ta’ Ġesu tradizzjonalment matul id-disat ijiem li jwasslu għas-solennità tal-Qalb ta’ Ġesù, li dejjem tkun 19-il jum wara l-Pentekoste.

Novena lill-Ħniena Divina

Santa Fawstina Kowalska. Ritratt: Wikimedia Commons

In-Novena tal-Ħniena Divina ingħatat lil Santa Fawstina Kowalska minn Ġesù, li qal lis-soru Pollakka li n-novena kellha tibda nhar il-Ġimgħa l-Kbira. In-novena tikkonsisti fit-talba tal-Ħniena Divina segwita mill-intenzjonijiet ta’ talb ta’ kuljum. Filwaqt li din in-novena tista’ tintalab fi kwalunkwe żmien tas-sena, huwa rakkomandat li tibda nhar il-Ġimgħa l-Kbira bi tħejjija għall-festa tal-Ħniena Divina, li tiġi ċċelebrata fl-ewwel Ħadd wara l-Għid.

Novena lill-Familja Mqaddsa

Il-Familja Mqaddsa (1908) Frank, Öl auf Leinwand. Ritratt: Wikimedia Commons

In-Novena lill-Familja Mqaddsa hija tipikament mitluba matul id-disat ijiem ta’ qabel il-festa tagħhom, li tiġi ċċelebrata nhar il-Ħadd wara l-Milied, u tħeġġeġ lill-fidili biex jimmeditaw u jirriflettu fuq il-Familja Mqaddsa sabiex inkunu nistgħu nimudellaw lill-familji tagħna stess warajhom. Isservi ukoll bħala mod tajjeb ħafna biex noqorbu u nsaħħu r-relazzjonijiet mal-familja tagħna permezz tat-talb.

Novena tal-Milied

The Nativity (1665-1670) ta’ Bartolomé Esteban Murillo. Wikimedia Commons

In-novena tal-Milied tibda fis-16 ta’ Diċembru u tispiċċa lejlet il-Milied. Tinkludi qari tal-Iskrittura ta’ kuljum, meditazzjoni, antifona, il-Magnificat, interċessjonijiet u talba tal-għeluq. Patri Charles Vachetta huwa akkreditat li kiteb in-novena fl-1721 bit-tama li jispira lill-parruċċani tiegħu bil-miġja ta’ Kristu matul l-Avvent.

Novena ta’ emerġenza ta’ Madre Tereża

Madre Tereża (1985). Ritratt: Wikimedia Commons

Santa Tereża ta’ Kalkutta kienet iddur lejn il-Verġni Mqaddsa Marija f’każi t’emerġenza u titlobha din in-novena.

In-novena mgħaġġla tikkonsisti f’għaxar Memorare – talba ta’ sekli ilu li titlob l-interċessjoni tal-Verġni Mqaddsa Marija.

Din it-talba aktrax hija parti minn talba itwal tas-seklu 15 Ad sanctitatis tuae pedes, dulcissima Virgo Maria.

Ftakar ja l-iżjed ħanina
Omm Verġni Marija
Li qatt ma nstema’ li xi ħadd
Intefa’ taħt il-ħarsien tiegħek,
talbek l-għajnuna
Jew fittex li tidħol għalih u inti ma smajtux.
Imqanqal minn dan il-ħsieb
Għal għandek niġri,
Ja Verġni Omm tiegħi;
għandek niġi, quddiemek noqgħod
Midneb u niedem, ja
Omm l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem.
La tismerrx it-talb tiegħi
Iżda ismagħni u weġibni.
Ammen

In-Novena ta’ 54 Jum

Il-Verġni Marija (1640-1650) ta’ Giovanni Battista Salvi da Sassoferrato. Ritratt: WIkimedia Commons

In-Novena ta’ 54 Jum oriġinat lejn l-aħħar tas-seklu 19 f’Napli, l-Italja, wara li tfajla b’marda inkurabbli talbet lill-Verġni Marija għall-għajnuna. L-Omm Imqaddsa dehret lit-tfajla u qaltilha li kienet se tfieq jekk titlob tliet noveni. It-tfajla fieqet mirakolożament. Il-Verġni Marija dehret għal darb’oħra lit-tfajla u din id-darba żiedet li min irid li t-talbiet tagħhom jintlaqgħu għandhom jitolbu tliet noveni b’talba u tliet noveni bħala radd il-ħajr.

Għalhekk, l-ewwel 27 jum ta’ din in-novena jikkonsistu f’rużarju li jingħad kull jum b’talba, segwiti minn 27 jum ieħor li jikkonsistu f’rużarju ta’ kuljum li jingħad b’radd il-ħajr, kemm jekk it-talba tkun intlaqgħet jew le. Din in-novena tista’ tiġi mitluba f’kull ħin, madankollu, u ħafna jagħżlu li jibdew jew itemmu n-novena f’jum tal-festa Marjana.

Traduzzjoni mħejjija minn Lara Zammit għal tbissima.mt. It-test oriġinali bl-Ingliż jappartjeni lill-Catholic News Agency

LURA GĦALL-FAĊĊATA