San Ġorġ verament qatel dragun? 

Kelly Marcum via Catholic News Agency  

San Ġorġ huwa fost l-aktar qaddisin famużi u maħbubin tal-Kristjaneżmu, immortalizzat permezz tal-leġġenda famuża ta’ San Ġorġ u d-Dragun – rakkont medjevali ta’ kavallier kuraġġuż li jsalva prinċipessa ġusta milli tiġi mikula minn dragun. 

Fl-Ingilterra, pajjiż għal żmien twil iddedikat lil San Ġorġ u wieħed minn diversi nazzjonijiet li jitolbu l-patroċinju tiegħu, isem il-qaddis iżejjen il-knejjes u l-pubs kważi bl-istess mod. Jum il-festa tiegħu jiġi ċċelebrat bir-reċtar tal-azzjonijiet kuraġġużi tal-qaddis kontra d-dragun feroċi. 

Imma l-veru San Ġorġ ma kienx kavallier u, sa fejn taf l-istorja, qatt ma salva l-ebda prinċipess minn mewta bin-nar. Ġorġ kien suldat Ruman, ikkundannat għat-tortura u l-martirju fil-bidu tar-raba’ seklu. 

Saint George and the Dragon (ca. 1506) ta’ Rafaello. Ritratt: Dominju Pubbliku/National Gallery of Art

It-tradizzjoni tgħid li huwa rreżista diversi seduti ta’ tortura u fl-aħħar mill-aħħar ipprefera li jaqtgħulu rasu milli jirrinunzja l-fidi nisranija tiegħu. Mill-ewwel ġie meqjum mad-dinja nisranija kollha bħala martri, imma kważi ma nafu xejn aktar dwaru.  

Il-Papa Ġelasju I, li kkanonizzah kważi żewġ sekli wara fl-494, fl-okkażjoni ddikjara li Ġorġ kien fost dawk il-qaddisin “li isimhom huma meqjuma b’mod ġust fost il-bnedmin, imma li l-għemejjel tagħhom huma magħrufa biss minn Alla.” 

Ir-rakkont famuż ta’ San Ġorġ u d-dragun ma bdietx tingħad qabel aktar minn 500 sena wara mewtu, u ħadd mhu ċert kif suldat Ruman kważi anonimu sar eroj iċċelebrat mad-dinja kollha għall-kuraġġ tiegħu. X’aktarx li bdiet bħala ħrafa biex turi l-forza fil-gwerra, u din l-istorja malajr oskurat l-istorja vera ta’ San Ġorġ. 

Saint George and the Dragon ta’ Sir John Fastolf. Ritratt: Dominju Pubbliku/Getty Museum

Fil-każ ta’ San Ġorġ, forsi nistgħu nargumentaw li l-partikolaritajiet ta’ ħajtu, meraviljużi jew le, ma jbiddlux il-verità li għaliha miet.  

Il-leġġenda ta’ San Ġorġ u d-Dragun mhix reali, iżda l-verità li tiżvela ċertament hi. 

San Ġorġ żgur qatt ma ġġieled kontra dragun. Imma hu sfida lil imperatur u ħares mingħajr ma qagħad lura f’għajnejn it-torturaturi u l-eżekuzzjoni tiegħu, bla ċediment fil-fidi tiegħu. L-ebda xebba ġusta ma stennietu fit-tmiem tal-prova tiegħu f’ħajtu, imma mal-mewt tiegħu, bla dubju, id-dirgħajn ġentili ta’ omm Kristu qabduh, u ġabuh fil-kamra tat-tron ta’ Binha. 

Traduzzjoni mħejjija u adattata minn Lara Zammit għal tbissima.mt. It-test oriġinali bl-Ingliż jappartjeni lill-Catholic News Agency.  

LURA GĦALL-FAĊĊATA