‘Qatt tmexxi għajnejk ’il bogħod mid-dawl ta’ Ġesù’

Matthew Santucci via Catholic News Agency

Ġurnata wara li kkanċella l-udjenzi tiegħu minħabba dik li l-Vatikan sejjħet “kundizzjoni ħafifa li tixbah l-influwenza,” il-Papa Franġisku deher f’forma tajba nhar il-Ħadd waqt id-diskors tiegħu ta’ kull ġimgħa tal-Angelus.

Ta d-diskors tiegħu fit-tieni anniversarju tal-gwerra fl-Ukrajna. Fiha għamel sejħa għall-paċi filwaqt li ħeġġeġ lill-fidili biex “qatt ma jidderieġu għajnejkom ’il bogħod mid-dawl ta’ Ġesù.

“Kemm vittmi, ġrieħi, qerda, dieqa, tiċrit f’perjodu li qed isir dejjem itwal u li t-tmiem tiegħu għadu mhux fuq l-orizzont,” qal il-papa dwar il-gwerra, li bdiet bl-invażjoni tar-Russja fl-24 ta’ Frar, 2022. Żied li l-kunflitt “ħoloq mewġa globali ta’ biża’ u mibegħda.”

Waqt l-Angelus ta’ dil-ġimgħa, il-papa rrifletta fuq il-qari tal-Evanġelju tat-tieni Ħadd tar-Randan – ir-rakkont mill-Evanġelju skont San Mark tat-Trasfigurazzjoni. Il-papa ddeskriva l-esperjenza tal-appostli fuq il-muntanja ma’ Ġesù bħala mument trasformattiv fejn Kristu “immanifesta ruħu fiżikament hemmhekk fid-dawl kollu tiegħu.”

It-Trasfigurazzjoni (1516-1520) ta’ Raffaello. Ritratt: Wikimedia Commons

It-​Trasfigurazzjoni, qal, tiġbor fil-​qosor ix-​xogħlijiet kollha ta’ Ġesù sa dak il-​punt tal-​ministeru tiegħu filwaqt li tipprevedi l-​passjoni tiegħu.

“Il-predikazzjoni tas-saltna, il-maħfra tad-dnubiet, il-fejqan u s-sinjali mwettqa kienu, tabilħaqq, xrar ta’ dawl akbar, jiġifieri, tad-dawl ta’ Ġesù,” qal il-papa mit-tieqa tal-istudju tiegħu mill-Palazz Appostoliku, li jħares lejn kważi 20,000 pellegrin li nġabru fi Pjazza San Pietru.

Saħaq li hija ġrajja li tfakkar lill-insara kollha li “Alla huwa dawl,” li jippermettilna “nfittxu wiċċu, li hu mimli ħniena, fedeltà u tama”. B’dan il-mod nistgħu nżommu lil Kristu fiss bħala punt ta’ referenza uniku hekk kif “nivjaġġaw fil-ħajja.”

Il-papa ddikjara: “Dejjem żomm il-wiċċ luminuż ta’ Kristu quddiem għajnejk,” u żied: “Qatt tmexxi għajnejk ’il bogħod mid-dawl ta’ Ġesù.”

Il-pellegrini jinġabru fi Pjazza San Pietru fil-Vatikan għall-indirizz tal-Angelus tal-Papa Franġisku fil-25 ta’ Frar. Ritratt: Vatican Media/CNA

Il-Papa Franġisku ssuġġerixxa li din il-laqgħa ma’ Alla l-ħaj issir prinċipalment “permezz tat-talb, is-smigħ tal-kelma u s-sagramenti, speċjalment il-qrar u l-Ewkaristija”, iżda li tenfasizza d-dimensjoni sagramentali hija ukoll element profondament personali.

Hija sejħa għall-fidili, issuġġerixxa l-papa, biex ifittxu lil Alla f’xulxin, filwaqt li tista’ sservi bħala “riżoluzzjoni tar-Randan” li tgħinna “infittxu d-dawl ta’ Ġesù.

“Iżda jgħin ukoll li wieħed iħares f’għajnejn in-nies,” kompla. “Għandna nitgħallmu naraw id-dawl ta’ Alla f’kulħadd u nikkultivaw il-ħila li nistagħġbu b’din is-sbuħija li tiddi f’kull wieħed, mingħajr eċċezzjoni: f’dawk qrib tagħna u f’dawk li ma nafux; fil-ħarsiet ferħanin ta’ dawk li huma ferħanin u fid-dmugħ ta’ min hu mnikket; fl-għajnejn imdejqa u mċajpra ta’ dawk li huma ppruvati mill-ħajja u ta’ dawk li tilfu l-entużjażmu; u anke f’dawk li nsibuha diffiċli li nħarsu lejn wiċċhom, nippreferu nitbiegħdu.”

Traduzzjoni mħejjija minn Lara Zammit għal tbissima.mt. It-test oriġinali bl-Ingliż jappartjeni lill-Catholic News Agency

LURA GĦALL-FAĊĊATA