Paola Arriaza Flynn u Almudena Martínez-Bordiú via Catholic News Agency
Fil-kuntest tal-Ġublew tal-Missjunarji Diġitali u l-Influwenzaturi Kattoliċi, li se jsir f’Ruma fit-28 u d-29 ta’ Lulju, is-saċerdot Messikan Patri Heriberto García Arias, awtur tal -ktieb bl-Ispanjol “Missjunarji Diġitali: Influwenzaturi jew Xhieda ta’ Kristu Illum?”, offra riflessjoni dwar ir-rwol tal-evanġelizzaturi fuq il-midja soċjali u l-importanza tal-preżenza tagħhom fl-ambjent diġitali.
B’aktar minn żewġ miljun segwaċi fuq il-kont TikTok tiegħu @heribertogarciaar u aktar minn 200,000 fuq Instagram, il-qassis żagħżugħ ta intervista lill-edizzjoni mxandra bl-Ispanjol ta’ EWTN News, “EWTN Noticias,” mill-Belt Eterna fejn enfasizza li l-Knisja Kattolika “qed tieħu passi importanti ħafna biex tkun preżenti fil-kuntest diġitali kollu.”

Id-differenza bejn influencer Kattoliku u missjunarju diġitali
Abbażi tal-esperjenza tiegħu u l-pubblikazzjoni reċenti tal-ktieb tiegħu, García spjega d-differenza bejn influencer Kattoliku u missjunarju diġitali, li “l-iskop tagħhom huwa differenti.” Għalkemm “it-tnejn jużaw il-midja,” l-influencer jista’ joffri u jbigħ prodotti skont il-valuri tagħhom, filwaqt li l-iskop tal-missjunarju diġitali huwa li jwassal l-esperjenza tiegħu jew tagħha ta’ Kristu fuq il-midja soċjali.
Huwa rrefera għall-ammont ta’ ħin li l-ġenerazzjonijiet iżgħar iqattgħu fuq il-midja soċjali: “Hemm nies li qed ifittxu lil Alla, u għalhekk irridu nkunu preżenti hemm, inkunu xhieda, imma mhux bil-għan li nieqfu hemm, imma pjuttost biex inċaqalqu [lit-telespettatur] mill-iskrin għall-artal.”
“Allura,” żied jgħid, “dik hija biss it-triq, mhux id-destinazzjoni.”
Nimxu mill-iskrin għall-artal
Il-qassis Messikan irrimarka li l-Knisja “dejjem adattat ruħha għal kulturi differenti” biex twassal il-messaġġ ta’ Ġesù Kristu u afferma li “issa jmissna lilna, f’din il-kultura fejn ġenerazzjonijiet ġodda jiġu b’mod differenti ta’ ħsieb, fejn id-dinja diġitali hija reali għalihom.”
Għall-qassis, iċ-ċelebrazzjoni tal- Ġublew tal-Missjunarji Diġitali u l-Influwenzaturi Kattoliċi — li tikkoinċidi wkoll mal- Ġublew taż-Żgħażagħ — tirrappreżenta “rikonoxximent uffiċjali mill-Knisja ta’ dawn il-missjunarji kollha.”
“Tliet snin ilu biss, it-terminu ‘missjunarju diġitali’ lanqas biss kien jeżisti,” innota, u żied jgħid li llum hemm aktar minn 3,500 missjunarju diġitali madwar id-dinja. Għalkemm irrikonoxxa li din ir-realtà ġdida tista’ tqanqal ċertu “biża’,” assigura li “l-frott diġà qed jidher.”
Skont il-qassis mill-istat ta’ Jalisco fil-Messiku, il-preżenza fuq il-midja soċjali “hija urġenti u neċessarja,” peress li ħafna żgħażagħ “jaraw TikTok” iżda “mhux se jaqsmu l-għatba ta’ knisja.” Għalhekk enfasizza l-importanza li jinħoloq kontenut li jqanqal l-interess tagħhom u jgħinhom “jersqu lejn il-Knisja.”
Dwar ir-riskju li l-messaġġ jiġi trivializzazzjoni, huwa rrimarka li l-Knisja tiġi esperjenzata b’modi differenti f’kull kultura filwaqt li enfasizza l-ħtieġa li jiġu ffurmati u akkumpanjati missjunarji diġitali sabiex ikunu “magħqudin fl-istess verità”.

“Mhux jien li qed nitkellem, huwa hu”
Meta spjega l-oriġini tal-preżenza tiegħu fuq il-midja soċjali, García stqarr li din tirrispondi għal “urġenza pastorali biex jiġu indirizzati l-bżonnijiet taż-żgħażagħ li qegħdin hemm.”
“Għandna messaġġ sabiħ ħafna, filosofija inkomparabbli, proposta traxxendentali. Imma xi kultant ma nafux kif nwassluh, ma nafux kif nitkellmu l-lingwa tagħhom. Nemmen li rridu nwasslu dan il-messaġġ li esperjenzajna, adattat għall-ġenerazzjonijiet il-ġodda.”
Il-qassis, li rċieva s-sejħa tiegħu għas-saċerdozju meta kellu 15-il sena, stqarr li hekk kif beda l-vokazzjoni tiegħu, sofra minn “biża’ tal-palk.” Madankollu, il-formazzjoni tiegħu fil-komunikazzjonijiet istituzzjonali tal-Knisja għenitu jifhem li “Alla wrieni li mhux jien li qed nitkellem, iżda hu.”
Il-qassis żagħżugħ jieħu xogħlu fuq il-midja soċjali bħala responsabbiltà kbira, u meta ffaċċja t-tentazzjoni li jsir “awtoreferenzjali”, irrimarka: “Jekk trid li l-messaġġ jasal, trid tittratta wkoll dik it-tentazzjoni, għax fl-aħħar mill-aħħar, ikunu qed isegwuk, għax empatizzaw miegħek u jogħġbuk.”
“Imma trid tkun viġilanti. Mhuwiex dwar li tkun iċ-ċentru tal-attenzjoni u titkellem dwar Kristu; hu jrid ikun iċ-ċentru tal-attenzjoni,” żied jgħid.
Is-saċerdot irrikonoxxa li l-formazzjoni tiegħu ppermettietlu jifhem li hu “kelliem” għall-Knisja: “Int m’intix il-protagonist; hija dwar il-Knisja, hija dwar Kristu, u trid dejjem iżżomm dan f’moħħok, għax ir-riskju kbir hu li l-Knisja mhux biss titlef ir-reputazzjoni tagħha iżda titlef ukoll l-awtorità tagħha fid-dinja. U dan f’idejna.”
“L-Ispirtu s-Santu qed jaġixxi permezz ta’ algoritmi”
García qasam li rċieva bosta testimonjanzi minn nies li ħajjithom inbidlu bil-messaġġi tiegħu.
“Nies li kienu se jagħmlu abort u spiċċaw ma għamluhx, nies li forsi kienu xi ftit kontra Alla għax kellhom tarbija l-isptar u [imbagħad] irċevew il-messaġġ li kellhom bżonn biex jinkoraġġihom ikomplu. Jew saħansitra xi ħadd li ried jikkommetti suwiċidju u messaġġ waqqfu u mmotivah biex jippersisti.”
“L-Ispirtu s-Santu qed jaġixxi permezz ta’ algoritmi, jilħaq qlub li jeħtieġu l-kelma tiegħu, li jeħtieġu t-tama,” enfasizza.
Fl-aħħar nett, assigura li x-xogħol tiegħu għandu l-appoġġ tal-Knisja u tal-isqof tiegħu, xi ħaġa li tagħtih il-paċi u s-saħħa biex jimxi ‘l quddiem f’din il-missjoni ta’ evanġelizzazzjoni dejjem aktar meħtieġa.
Traduzzjoni mħejjija u adattata minn Lara Zammit għal tbissima.mt. It-test oriġinali bl-Ingliż jappartjeni lill-Catholic News Agency. Ritratti kollha via Catholic News Agency Access for Editors.