Pellegrinaġġ nazzjonali fis-Santwarju tal-Madonna ta’ Fátima

Pellegrinaġġ Nazzjonali ser isir fis-27 ta’ April fl-okkazjoni tal-Inkurunazzjoni solenni tal-istatwa mirakoluża tal-Madonna ta’ Fátima. Wara l-pellegrinaġġ, fil-5 ta’ Mejja, l-Arċisqof ta’ Malta Mons. Charles Scicluna ser jinkuruna l-istatwa fis-santwarju tagħha f’Tal-Pietà.

Kien fis-27 ta’ April, 1956 li din l-istatwa kienet inġiebet minn Fátima stess u twasslet quddiem il-Knisja ta’ San Duminku l-Belt Valletta li mbgħad minn hemm kienu nizzluha bil-pellegrinaġġ sa Tal-Pietà.

L-istatwa mirakoluża tal-Madonna ta’ Fátima. Ritratt: Parroċċa Madonna ta’ Fátima Pietà/G’Manġia / Facebook

Il-pellegrinaġġ se jkun akkumpanjat mill-Fratellanzi Maltin u mill-Banda Ċittadina King’s Own. Dan se jibda fil-5.30pm mill-Bażilika ta’ Porto Salvo u San Duminku fil-Belt Valletta, b’wasla ħdejn il-monument ta’ Kristu Re fil-Furjana fis-7.15pm. Fis-7.30pm, l-Istatwa tal-Madonna tingħata merħba ħdejn il-Knisja tad-Duluri f’Tal-Pietà u titwassal sas-Santwarju Parrokkjali akkumpanjata mill-Banda Madonna ta’ Fátima .

Lúcia dos Santos (xellug) mal-kuġini tagħha Francisco and Jacinta Marto fl-1917. Ritratt: Wikimedia Commons

Il-Madonna ta’ Fátima kienet dehert fl-1917 lil tlett itfal rgħajja fil-Cova da Iria f’Fátima, il-Portugall. It-tlett itfal kienu Lúcia dos Santos u l-kuġini tagħha Francisco u Jacinta Marto. José Alves Correia da Silva, Isqof ta’ Leiria, iddikjara l-ġrajjiet denji ta’ twemmin fit-13 ta’ Ottubru, 1930.

Pope Paul VI ma’ Suor Lúcia f’Fátima fit-13 ta’ Mejju, 1967. Ritratt: Wikimedia Commons

Il-Papa Piju XII ta digriet pontifikali ta’ inkurunazzjoni kanonika permezz tal-bolla papali Celeberrima solemnia lejn ix-xbieha meqjuma fil-25 ta’ April, 1946.

Il-memorji ppubblikati ta’ Suor Lúcia fis-snin tletin żvelaw żewġ sigrieti li hija sostniet li ġew mill-Verġni Marija, filwaqt li t-tielet sigriet kellu jiġi żvelat mill-Knisja Kattolika fl-1960.

Is-Santwarju Parrokkjali tal-Madonna ta’ Fátima, Gwardamanġa. Ritratt: Wikimedia Commons

Għal aktar tagħrif, wieħed jista’ jċempel l- Uffiċċju Parrokkjali fuq 2122 0050 jew jibgħat email fuq parrocca.guardamangia@maltadiocese.org

LURA GĦALL-FAĊĊATA