Papa Franġisku: San Tumas t’Akwinu jgħarrafna fuq l-isfidi soċjali tal-lum

Jonathan Liedl via Catholic News Agency

L-ekonomija, ir-relazzjonijiet internazzjonali u xjenzi soċjali oħra setgħu ma kienux jeżistu fil-forma kontemporanja tagħhom meta miet San Tumas t’ Akwinu 750 sena ilu. Iżda, skont il-Papa Franġisku, l-esperti f’dawn l-oqsma għandhom jirrikorru għal dan it-teologu tas-seklu 13 għall-għajnuna biex jindirizzaw uħud mill-aktar sfidi soċjali koroh tal-lum.

F’ittra indirizzata lil laqgħa tal-Vatikan ta’ xjenzati soċjali fis-7 ta’ Marzu, l-anniversarju tal-mewt ta’ San Tumas t’Akwinu, il-papa qal li d-Duttur Anġeliku, kif inhu mgħaruf il-qaddis, kien għamel “studju rigoruż” tal-implikazzjonijiet filosofiċi u teoloġiċi tal-fatt li l-bniedem huwa magħmul “xbieha t’Alla”.

Dan l-studju ma kienx biss prekursur għall-iżvilupp tax-xjenzi soċjali iżda ukoll jista’ jkun t’għajnuna imprezzabbli għall-istudjużi tal-lum.

Statwa ta’ San Tumas ta’ Akwinu barra l-Università Pontifikali Angelicum waqt il-Konferenza Summorum Pontificum fit-13 ta’ Ġunju, 2015. Ritratt: Catholic News Agency

“Filwaqt li m’għandniex dubju fuq l-influwenza ta’ San Tumas t’Akwinu fit-tiswir tal-ħsieb morali u legali tal-modernità, li nirkuppraw il-perspettiva filosofika u teoloġika li infurmat ix-xogħol tiegħu tista’ tgħina fir-riflessjoni dixxiplinata li nagħmlu llum dwar il-kwistjonijiet soċjali urġenti ta’ żmienna,” qal il-Papa Franġisku, u żied li x-xjenzi soċjali “għandhom ikunu msejsa fuq ir-realtà irriduċibbli tad-dinjità tal-persuna umana”.

Ir-rimarki tal-papa ntbagħtu lill-parteċipanti ta’ laqgħa ta’ jumejn dwar “L-Ontoloġija Soċjali u Liġi Naturali ta’ San Tumas t’Akwinu.”

Sponsorjat mill-Akkademja Pontifikali għax-Xjenzi Soċjali, l-avveniment huwa wieħed minn bosta li qed isiru f’Ruma u lil hinn minnha din is-sena biex jiċċelebraw il-wirt ta’ San Tumas t’Akwinu, il-patri Dumnikan Taljan u duttur tal-Knisja li miet fl-1274.

B’mod partikolari, il-Papa Franġisku enfasizza l-ispjega ta’ San Tumas fuq il-karattru soċjali tal-bniedem u l-kapaċità li jagħraf il-liġi naturali permezz tar-raġuni. Qal li dan huwa speċjalment rilevanti biex nindirizzaw l-isfidi soċjali kontemporanji.

L-ewwel paġna mis-Summa Theologiae ta’ San Tumas t’Akwinu minn edizzjoni tal-1596. Ritratt: Wikimedia Commons

“Illum huwa essenzjali li nirkupraw apprezzament tal-inklinazzjoni li nfittxu l-verità dwar Alla aħna u ngħixu fis-soċjetà,” qal il-Papa Franġisku, li kkwota mis-Summa Theologiae ta’ San Tumas.

Il-kunċett tal-liġi naturali ġie kkritikat minn xi wħud fil-Punent bħala qafas reliġjuż użat biex jinfluwenza s-soċjetà.

Iżda l-Papa Franġisku offra perspettiva differenti, u enfasizza li din il-liġi naturali hija għal kulħadd. Fil-fatt, il-papa qal li l-artikolazzjoni tal-liġi naturali ta’ San Tumas hija aċċessibbli għal kulħadd, irrispettivament jekk huma Kattoliċi jew le, u forsi hija saħansitra aktar importanti issa, preċiżament għaliex id-dinja hija dejjem aktar interkonnessa u s-soċjetà tal-Punent hija immarkata minn diversità kulturali u pluraliżmu reliġjuż.

San Tumas t’Akwinu (1650) ta’ Bartolomé Esteban Murillo. Ritratt: Wikimedia Commons

“Il-fiduċja ta’ San Tumas fuq liġi naturali miktuba fil-qalb tal-bniedem tista’ għalhekk toffri għarfien frisk u validu lid-dinja globalizzata tagħna, anke peress li tkompli tfittex pedamenti għal ordni soċjali ġust u uman,” osserva l-Papa Franġisku.

Traduzzjoni mħejjija minn Lara Zammit għal tbissima.mt. It-test oriġinali bl-Ingliż jappartjeni lill-Catholic News Agency

LURA GĦALL-FAĊĊATA