Kristina Millare via Catholic News Agency
Waqt id-diskors tal-Angelus tiegħu dwar is-solennità tal-Assunta, il-Papa Franġisku fakkar lill-Kattoliċi li l-Verġni Mqaddsa Marija dejjem “tmur quddiemna fil-vjaġġ”.
Filwaqt li rrifletta fuq l-ewwel kapitlu tal-Evanġelju ta’ San Luqa, li jirrakkonta l-laqgħa bejn il-Verġni Marija u l-kuġina tagħha Eliżabetta, il-Papa fakkar lill-pellegrini fi Pjazza San Pietru li Omm Alla mhix “statwa tax-xama’ li ma tiċċaqlaqx” imma “mara miexja wara Ġesù bħala dixxiplu tas-saltna.”
“Fiha nistgħu naraw oħt bis-sandlijiet mikula u b’tant għeja fil-vini talli mxiet mal-Mulej u temmet il-vjaġġ tagħha fil-glorja tas-sema,” ikkontempla l-Papa.
Il-Papa qal li Marija, iż-żagħżugħa minn Nazaret, hija eżempju għall-insara kollha li jaqsmu l-istess xewqa tagħha li tħabbar il-ferħ ta’ Ġesù Kristu ma’ dawk ta’ madwarna.
“Din l-espressjoni tal-Evanġelju hija sabiħa: ‘Marija telqet u marret’ (Lq 1, 39). Ifisser li Marija ma tqisx l-aħbar li rċeviet mingħand l-anġlu bħala privileġġ imma, għall-kuntrarju, titlaq mid-dar u jitlaq b’għaġġla,” qal.
Waqt l-indirizz tiegħu, il-Papa Franġisku enfasizza wkoll ir-realtà li l-ħajja ta’ kull persuna fuq l-art hija vjaġġ kontinwu lejn il-laqgħa finali ma’ Alla, li fiha m’aħniex waħedna imma akkumpanjati minn Omm Alla, li temmet il-pellegrinaġġ tagħha fuq l-art bit-Tlugħ tagħha fis-sema fejn, “flimkien maʼ Binha, hi tgawdi l-ferħ tal-ħajja taʼ dejjem.”
“Il-Verġni Mbierka hija dik li tmur quddiemna fil-vjaġġ, u tfakkarna lkoll li ħajjitna hija wkoll vjaġġ kontinwu lejn l-orizzont tal-laqgħa finali mal-Mulej,” qal.
“Għalhekk, il-Verġni Mbierka tista’ tgħinna fil-vjaġġ tagħna lejn il-Mulej,” żied jgħid il-Papa.
Wara li talab l-Angelus bil-Latin flimkien ma’ gruppi ta’ pellegrini fi Pjazza San Pietru, il-Papa Franġisku talab għan-nies li qed isofru l-vjolenza madwar id-dinja, partikolarment għal dawk fl-Ukrajna, fil-Lvant Nofsani, fil-Palestina, fl-Iżrael, fis-Sudan, u fil-Myanmar.
Is-Santu Missier reġa’ ġedded l-appell tiegħu biex il-mexxejja dinjin jimxu fit-triq tal-paċi fin-negozjati u jtemmu minnufih il-kunflitti li jikkawżaw tant qerda u tbatija għall-komunitajiet vulnerabbli.
“Nkompli nsegwi bi tħassib is-sitwazzjoni umanitarja serja ħafna f’Gaża, u nappella għal darb’oħra għal waqfien mill-ġlied fuq il-fronti kollha, għall-ħelsien tal-ostaġġi, u għall-għajnuna lill-popolazzjoni eżawrita,” insista l-Papa.
“Inħeġġeġ lil kulħadd biex jagħmel kull sforz biex jiżgura li l-kunflitt ma jeskalax u biex isegwi toroq ta’ negozjar biex din it-traġedja tintemm dalwaqt!”
Il-Papa esprima wkoll il-qrubija partikolari tiegħu lejn il-vittmi tan-nirien fil-Greċja fil-festa tal-Assunta u talab għas-solidarjetà tal-komunitajiet milquta biex jappoġġjaw lil xulxin f’dan iż-żmien ta’ traġedja.
Traduzzjoni mħejjija u adattata minn Lara Zammit għal tbissima.mt. It-test oriġinali bl-Ingliż jappartjeni lill-Catholic News Agency.