Papa Franġisku: Kristu r-Ragħaj it-Tajjeb ‘ifittixna sakemm isibna’

Matthew Santucci via Catholic News Agency

Il-Papa Franġisku rrifletta fuq ix-xbieha ta’ Kristu bħala r-Ragħaj it-Tajjeb waqt l-indirizz tiegħu tar-Regina Caeli nhar il-Ħadd, filwaqt li nnota li dan huwa rwol ikkaratterizzat mill-imħabba sagrifiċċjali tiegħu.

“Ġesù jispjega li mhuwiex bniedem li ma jimpurtah xejn min-nagħaġ tiegħu iżda huwa bniedem li jafhom,” qal il-Papa fil-21 ta’ April, ir-raba’ Ħadd tal-Għid, li tradizzjonalment huwa magħruf bħala Ħadd ir-Ragħaj it-Tajjeb. “Huwa veru jafna – isejħilna b’isimna u, meta nintilfu, ifittixna sakemm isibna.”

Il-Papa Franġisku jgħammar lill-pellegrini miġbura fi Pjazza San Pietru fil-21 ta’ April, fil-Vatikan. Ritratt: Vatican Media

Il-Papa Franġisku spjega li r-rwol ta’ Kristu bħala ragħaj introduċa loġika ġdida.

“Dan irid jgħidilna l-Mulej bix-xbieha tar-Ragħaj it-Tajjeb: mhux biss li hu l-gwida, il-kap tal-merħla, imma fuq kollox li jaħseb f’kull wieħed u waħda minna bħala l-imħabba ta’ ħajtu,” qal il-papa lill-pellegrini miġbura fi Pjazza San Pietru.

Il-Papa Franġisku enfasizza l-element tas-sagrifiċċju fl-irwol tar-ragħaj, filwaqt li osserva li Ġesù “mhux biss huwa ragħaj tajjeb li jaqsam il-ħajja tal-merħla” iżda “hu r-Ragħaj it-Tajjeb li ssagrifika ħajtu għalina u tana l-Ispirtu tiegħu permezz tal-qawmien tiegħu.”

Il-Papa talab lill-fidili biex jimmeditaw fuq din id-dimensjoni sagrifiċċjali tar-ragħaj biex inżommu f’moħħna li “għal Kristu, jien important u insostitwibbli”.

Il-Papa wissa ukoll kontra t-tentazzjoni li nkejlu l-valur tagħna fuq “affarijiet trivjali,” bħal “l-għanijiet li nilħqu” jew “fuq jekk nirnexxux f’għajnejn id-dinja, fuq il-ġudizzji tal-oħrajn.”

“Sabiex insibu lilna nfusna, l-ewwel ħaġa li għandna nagħmlu hi li npoġġu lilna nfusna fil-preżenza tiegħu, inħallu lilna nfusna niġu milqugħa u mgħollija minn dirgħajn ir-Ragħaj it-Tajjeb tagħna,” qal il-Papa.

Pellegrini jinġabru fi Pjazza San Pietru għad-diskors tal-Papa Franġisku u t-talba ta’ Regina Caeli fil-21 ta’ April, fil-Vatikan. Ritratt: Vatican Media

Is-Santu Missier ġibed l-attenzjoni ukoll għaċ-ċelebrazzjoni tal-Ħadd tal-Jum Dinji ta’ Talb għall-Vokazzjonijiet, li osserva bħala “opportunità li niskopru mill-ġdid il-Knisja bħala komunità kkaratterizzata minn polifonija ta’ kariżmi u vokazzjonijiet għas-servizz tal-Vanġelu”.

Wara t-talba tar-Regina Caeli, il-Papa ġedded l-appell tiegħu għall-paċi fil-Lvant Nofsani, u talab lill-mexxejja biex ma “jċedux għal-loġika tal-vendetta u l-gwerra”.

“Nitlob kuljum għall-paċi fil-Palestina u l-Iżrael u nittama li dawk iż-żewġ popli jistgħu dalwaqt jieqfu jbagħtu,” qal.

Traduzzjoni mħejjija u adattata minn Lara Zammit għal tbissima.mt. It-test oriġinali bl-Ingliż jappartjeni lill-Catholic News Agency.

LURA GĦALL-FAĊĊATA