Papa Franġisku: Kemm hu mportanti li naqsmu l-fidi tagħna ma’ xulxin

Matthew Santucci via Catholic News Agency

Il-Papa Franġisku esprima t-tħassib tiegħu dwar it-tensjoni li qed tiżdied fil- Lvant Nofsani wara l-attakk tal-missili tal-Iran nhar is-Sibt kontra l-Iżrael. Qajjem dan it-tħassib wara li talab lill-insara biex jaqsmu l-istejjer tagħhom tal-laqgħat tagħhom ma’ Kristu, li qal se joħloq ambjent aktar għani u sabiħ għal kulħadd.

“Insegwi fit-talb u bi tħassib, anke bl-uġigħ, l-aħbar li għadu kemm jasal fl-aħħar sigħat dwar l-aggravar tas-sitwazzjoni fl-Iżrael minħabba l-intervent mill-Iran,” qal il-Papa lil dawk kollha miġbura quddiemu fi Pjazza San Pietru fl-14 ta’ April.

“Nagħmel appell mill-qalb biex titwaqqaf kull azzjoni li tista’ tqanqal aktar vjolenza bir-riskju li jkaxkru l-Lvant Nofsani f’mod saħansitra akbar fil-kunflitt tal-gwerra. Ħadd m’għandu jhedded l-eżistenza ta’ ħaddieħor,” żied il-Papa.

Is-Sibt filgħaxija, l-Iran spara aktar minn 300 drone u missili fuq miri militari fl-Iżrael bħala ritaljazzjoni għal attakk Iżraelan fuq l-Ambaxxata Iranjana fil-kapitali tas-Sirja, Damasku, fl-1 ta’ April, li qatel sebgħa.

Qabel ir-reċita tar-Regina Caeli, il-Papa ħeġġeġ ukoll lil Insara biex jaqsmu l-laqgħat personali tagħhom ma’ Kristu, waqt li nnota li din hija “l-isbaħ ħaġa li għandna ngħidu lil xulxin.”

Pellegrini miġbura fi Pjazza San Pietru fil-Vatikan iżommu bandalori waqt it-talba tar-Regina Caeli u d-diskors tal-Papa Franġisku fl-14 ta’ April. Ritratt: Vatican Media

Il-Papa għamel din ir-riflessjoni fl-isfond tal-qari tal-Ħadd mill-Evanġelju ta’ San Luqa, fejn jiltaqgħu żewġ dixxipli wara q lura minn Għemmaws mal-appostli fil-kamra ta’ fuq u jirrakkonta l-laqgħa tagħhom ma’ Kristu.

“Ġesù jasal proprju waqt li nkunu qed jaqsmu l-istorja tal-laqgħa tagħna miegħu,” osserva l-Papa, li enfasizza “l-importanza li naqsmu l-fidi.”

Fost id-dilluvju ta’ messaġġi kontroproduttivi, il-Papa Franġisku talab Insara biex jaqsmu t-testimonjanzi personali tagħhom ta’ kif iltaqgħu ma’ Kristu.

Filwaqt li rrikonoxxa li ħafna drabi tista’ tkun “taqbida” biex jiġu diskussi dawn il-laqgħat mal-familja, l-ħbieb, u l-komunità usa’, il-Papa sostna l-persistenza f’dan l-ambitu joħloq ambjenti soċjali “saħansitra isbaħ fostna.”

Traduzzjoni mħejjija u adattata minn Lara Zammit għal tbissima.mt. It-test oriġinali bl-Ingliż jappartjeni lill-Catholic News Agency.

LURA GĦALL-FAĊĊATA