Papa Franġisku: Ir-Randan huwa żmien li naċċettaw il-fraġilità tagħna

Kristina Millare via Catholic News Agency

Il-Papa Franġisku qal li l-vjaġġ tar-Randan ifakkar lill-Knisja li t-tama f’Ġesù Kristu fl-aħħar mill-aħħar tegħleb il-biża’ ta’ fraġilità, dgħjufija, u qosor tal-ħajja.

“Magħmula mill-irmied u l-art, aħna nesperjenzaw fraġilità permezz tal-mard, il-faqar, u t-tbatijiet li f’daqqa waħda jistgħu jolqtu lilna u lill-familji tagħna,” qal il-Papa fl-omelija tiegħu mħejjija għall-Erbgħa tal-Irmied. 

“Iżda, ir-Randan huwa wkoll stedina biex nerġgħu nqanqlu t-tama tagħna,” qal. “Aħna mistiedna nerfgħu għajnejna lejn Dak li jqum mill-fond tal-mewt u jġibna mill-irmied tad-dnub u tal-mewt għall-glorja tal-ħajja ta’ dejjem.”

Il-Papa qed ikompli l-kura medika tiegħu fl-Isptar Gemelli u ma setax jattendi għall-Quddiesa li saret ġewwa l-Bażilika ta’ Santa Sabina li tinsab fuq l-Għolja Aventin ta’ Ruma.

“L-irmied ifakkruna li aħna trab, imma wkoll wassluna fi vjaġġ lejn it-tama li aħna msejħin għaliha,” qal il-Kardinal Angelo De Donatis waqt li qara t-test papali. “Ġesù niżel fit-trab tal-art u, bil-qawmien tiegħu, ġibna miegħu nnifsu f’qalb il-Missier.”

Waqt li jiffoka fuq l-Għid bħala r-raġuni biex isir il-vjaġġ tar-Randan, il-Papa fl-omelija tiegħu qal lill-kongregazzjoni tal-kardinali, isqfijiet, u ħutna reliġjużi tal-ordnijiet Benedittini u Dumnikani li l-Mulej irxoxt qed jistenniena “fl-aħħar tat-triq”.

Kardinali, isqfijiet, u aħwa reliġjużi tal-ordnijiet Benedittini u Dumnikani jipparteċipaw fil-Quddiesa tal-Erbgħa tal-Irmied fil-5 ta’ Marzu 2025, fil-Bażilika ta’ Santa Sabina li tinsab fuq l-Għolja Aventin ta’ Ruma. Kreditu: Media tal-Vatikan
Kardinali, isqfijiet, u aħwa reliġjużi tal-ordnijiet Benedittini u Dumnikani jipparteċipaw fil-Quddiesa tal-Erbgħa tal-Irmied fil-5 ta’ Marzu 2025, fil-Bażilika ta’ Santa Sabina li tinsab fuq l-Għolja Aventin ta’ Ruma. Kreditu: Media tal-Vatikan

“It-tama tal-Għid li nivvjaġġaw lejha tassigurana mill-maħfra ta’ Alla,” qal il-Papa Qaddis, filwaqt li kkwota lill-predeċessur tiegħu Benedittu XVI. “Anke waqt li tkun mgħaddsa fl-irmied tad-dnub, it-tama tiftħilna għall-għarfien ferrieħi tal-ħajja.”

Filwaqt li rrikonoxxa r-“realtajiet soċjali u politiċi ta’ żmienna” — inklużi l-gwerra, l-oppożizzjoni ideoloġika, l-abbuż tal-poter, u l-isfruttament — il-kap tal-Knisja ta’ 88 sena qal li l-problemi tad-dinja għandhom jixprunaw lin-nies biex jimxu flimkien, ikunu miftuħa ma’ xulxin, u jduru lejn Alla tagħna li jrid il-paċi u r-rikonċiljazzjoni.

“Ejja nerġgħu lura lejn Alla, ejjew nerġgħu lura lejh b’qalbna kollha,” qal il-Papa. “Ejjew nitgħallmu mill-elemosna biex immorru lil hinn minna nfusna, naqsmu l-bżonnijiet ta’ xulxin u nrawmu t-tama ta’ dinja aktar ġusta.” 

Fl-omelija tiegħu, il-Missier Qaddis qal ukoll li naċċettaw il-fraġilità tal-kundizzjoni umana tagħna “hija ta’ ġid għalina” peress li tfakkarna min aħna tassew “minkejja l-maskri li nilbsu” u fil-bżonn tagħna ta’ Alla.    

“Jiffurmana mill-ġdid, inaqqas is-severità tan-narċisiżmu tagħna, iġibna lura għar-realtà, u jagħmilna aktar umli u miftuħa għal xulxin: Ħadd minna mhu Alla; ilkoll qegħdin fi vjaġġ,” qal.

“B’din it-tama f’qalbna, ejjew nibdew il-vjaġġ tagħna. Ejjew inkunu rikonċiljati ma’ Alla,” tenna l-Papa fi tmiem l-omelija tiegħu tal-5 ta’ Marzu.

Fir-ritratt: Il-Kardinal Angelo De Donatis ixerred l-irmied waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa nhar l-Erbgħa tal-Irmied, 5 ta’ Marzu 2025, fil-Bażilika ta’ Santa Sabina li tinsab fuq l-Għolja Aventin ta’ Ruma. Kreditu: Media tal-Vatikan. Ritratti kollah via Catholic News Agency Access for Editors

LURA GĦALL-FAĊĊATA