Papa Franġisku: Il-virtù tgħinna ‘nxeqilbu lejn l-għażla t-tajba’

Matthew Santucci via Catholic News Agency

Il-Papa Franġisku nhar l-Erbgħa fetaħ kapitlu ġdid fis-sensiela kateketika li għaddejja dwar il-vizzji u l-virtujiet, fejn enfasizza l-valur tal-virtù għall-formazzjoni tal-bniedem.

“Il-virtù hija ‘habitus’ tal-libertà. Jekk aħna ħielsa f’kull att, kull darba li aħna mitluba nagħżlu bejn it-tajjeb u l-ħażin, il-virtù hija dik li tippermettilna li jkollna tendenza lejn l-għażla t-tajba,” osserva l-papa fl-udjenza ġenerali tiegħu ta’ kull ġimgħa li ssir fi Pjazza San Pietru.

Il-papa ma qarax l-indirizz tal-Erbgħa hu stess, u minflok kellu ajjutant biex iwassal ir-rimarki f’ismu. Il-papa ilu mgħejjun fir-rimarki pubbliċi tiegħu mill-aħħar ta’ Frar meta l-Vatikan ħabbar li kien qed isofri minn sintomi ta’ “influwenza ħafifa”.

Il-Papa Franġisku jindirizza pellegrini miġbura fi Pjazza San Pietru għall-udjenza ġenerali tiegħu tat-13 ta’ Marzu. Ritratt: Vatican Media/CNA

Filwaqt li bena fuq il-kunċett tal-virtù bħala karatteristika integrali u intrinsika li tippermetti lill-bnedmin jiddistingwu bejn it-tajjeb u l-ħażin, il-papa nnota li dan mhux “ġid improvizzat jew każwali li jaqa’ mis-sema b’mod sporadiku” iżda “ġid li ġej minn maturazzjoni bil-mod tal-persuna, sal-punt li ssir karatteristika interna.”

Il-papa għamel referenza għall-qaddisin, u sostna li dawn m’għandhomx jitqiesu bħala “l-eċċezzjonijiet tal-umanità” jew “tip ta’ ċirku ristrett li jgħixu lil hinn mill-limiti tal-ispeċi tagħna” iżda bħala “dawk li, b’mod sħiħ, iwettqu l-vokazzjoni proprja ta’ kull raġel jew mara.”

“Għalhekk,” kompla l-papa, “l-eżerċizzju tal-virtujiet huwa frott ta’ ġerminazzjoni twila, li teħtieġ sforz u anke tbatija.”

Il-Papa Franġisku jsellem lit-tfal miġbura fi Pjazza San Pietru għall-udjenza ġenerali tiegħu tat-13 ta’ Marzu. Ritratt: Vatican Media/CNA

Il-papa saħaq ukoll fuq l-importanza li jiġu żviluppati azzjonijiet u attitudnijiet ta’ virtù fl-isfond ta’ dak li kkaratterizza bħala “dawn iż-żminijiet drammatiċi tagħna fejn ħafna drabi jkollna niffaċċjaw l-agħar tal-umanità.”

“F’dinja mgħawġa, irridu niftakru l-għamla li biha ġejna ffurmati, ix-xbieha ta’ Alla li tibqa’ stampata għal dejjem fuqna,” kompla l-Papa Franġisku.

“X’dinja ferħana tkun kieku l-ġustizzja, ir-rispett, il-benevolenza reċiproka, il-wisa’ u t-tama kienu n-normalità kondiviża u mhux anomalija rara.”

Iżda huwa propju għaliex “il-qalb tal-bniedem jista’ jkollha passjonijiet ħżiena” li mbagħad “jimbtu tentazzjonijiet ta’ ħsara moħbija b’ilbies persważiv”. Il-papa fakkar lill-fidili li l-bniedem “mhuwiex territorju ħieles għall-konkwista ta’ pjaċiri, emozzjonijiet, instinti u passjonijiet.”

Il-Papa Franġisku jindirizza pellegrini miġbura fi Pjazza San Pietru għall-udjenza ġenerali tiegħu tat-13 ta’ Marzu. Ritratt: Vatican Media/CNA

Waqt li enfasizza għal darb’oħra li “l-bniedem huwa magħmul għat-tjubija,” il-papa saħaq li l-kultivazzjoni tal-virtù hija mibnija fuq “moħħ miftuħ” u “l-għerf li jista’ jitgħallem mill-iżbalji,” don li ġej mill-Ispirtu s-Santu.

“L-Ispirtu s-Santu jaġixxi fina li tgħammidna, jaħdem f’ruħna biex iwassalha għal ħajja ta’ virtù,” qal il-papa. “Kemm Insara laħqu l-qdusija permezz tad-dmugħ, u sabu li ma setgħux jegħlbu xi wħud mid-dgħufijiet tagħhom!

“Imma esperjenzaw li Alla lesthielhom dak ix-xogħol ta’ ġid li għalihom kien biss disinn mħarbat. Il-grazzja dejjem tiġi qabel l-impenn morali tagħna.”

Traduzzjoni mħejjija minn Lara Zammit għal tbissima.mt. It-test oriġinali bl-Ingliż jappartjeni lill-Catholic News Agency

LURA GĦALL-FAĊĊATA