Papa Franġisku: Il-glorja ta’ Alla ma tinstabx fis-suċċess tal-bniedem

Courtney Mares via Catholic News Agency

Il-Papa Franġisku qal il-Ħadd li l-glorja ta’ Alla u l-hena ta’ vera ma jinstabux fis-suċċess, fil-fama jew fil-popolarità, imma fl-imħabba u l-maħfra lill-oħrajn.

Fl-indirizz tiegħu tal-Angelus tas-17 ta’ Marzu, il-papa saqsa: Kif jista’ jkun li l-glorja ta’ Alla tidher fl-umiljazzjoni tas-salib?

“Wieħed jaħseb li l-glorja ġara fil-mument tal-Qawmien, mhux fuq is-salib, li hija telfa, falliment,” qal il-papa. “Minflok, illum, waqt li jitkellem dwar il-passjoni tiegħu, Ġesù jgħid: ‘Waslet is-siegħa li Bin il-bniedem jiġi glorifikat’ (Ġw 12:23). Xi jrid ifisser hawnhekk?”

Pellegrini jinġabru fi Pjazza San Pietru għall-Angelus tal-Ħadd tal-Papa Franġisku fis-17 ta’ Marzu. Ritratt: Vatican Media

Il-papa spjega li “għal Alla, il-glorja hija li jħobb sal-punt li jagħti ħajtu għalina.

“Glorifikazzjoni, għalih, tfisser li jagħti lilu nnifsu, li jagħmel lilu nnifsu aċċessibbli, joffri l-imħabba tiegħu,” qal.

“U dan laħaq il-qofol tiegħu fuq is-salib, fejn Ġesù xerred l-imħabba ta’ Alla sal-massimu, wera bis-sħiħ il-wiċċ tal-ħniena, tana l-ħajja u ħafer lill-eżekuturi tiegħu.”

Il-Papa Franġisku enfasizza li l-għotja u l-maħfra “huma kriterji ferm differenti minn dak li naraw madwarna, u anke ġewwa fina, meta naħsbu fil-glorja”.

Madankollu, filwaqt li l-​glorja tad-​dinja tgħib, l-​istil taʼ ħajja Kristjana jġib hena dejjiema, spjega.

Pellegrini jinġabru fi Pjazza San Pietru għall-Angelus tal-Ħadd tal-Papa Franġisku fis-17 ta’ Marzu. Ritratt: Vatican Media

“U għalhekk, nistgħu nistaqsu lilna nfusna: X’inhi l-glorja li nixtieq għalija nnifsi, għal ħajti, li noħlom biha għall-futur tiegħi?” staqsa l-papa.

“Li nimpressjona lil ħaddieħor bil-​ħila tiegħi, l-​abbiltajiet tiegħi, jew l-​affarijiet li għandi? Jew it-triq tal-għotja u l-maħfra, dik ta’ Ġesù msallab, it-triq ta’ dawk li ma jgħajjew qatt iħobbu, fiduċjużi li dan huwa xhieda ta’ Alla fid-dinja u jiddu l-ġmiel tal-ħajja? Xi glorja rrid għalija nnifsi?

“Tabilħaqq, ejjew niftakru li meta nagħtu u naħfru, il-glorja ta’ Alla tinġabar fina,” qal il-Papa Franġisku.

Traduzzjoni mħejjija minn Lara Zammit għal tbissima.mt. It-test oriġinali bl-Ingliż jappartjeni lill-Catholic News Agency

LURA GĦALL-FAĊĊATA