Papa Franġisku: il-frott tal-Ispirtu s-Santu jgħinna nxerrdu l-qdusija

Hannah Brockhaus via Catholic News Agency

Il-Papa Franġisku qal nhar il-21 ta’ Awwissu li l-persuna li tgħix bil-ferħ is-sagrament tal-Griżma ma tistax ma tifrex il-fwieħa tal-qdusija fil-Knisja u fid-dinja.

Waqt l-udjenza pubblika tiegħu ta’ kull ġimgħa fis-Sala Papa Pawlu VI tal-Vatikan, il-Papa Franġisku kompla sensiela ta’ lezzjonijiet dwar l-Ispirtu s-Santu, iffukat fuq il-Griżma fis-sagramenti tal-magħmudija u l-konfermazzjoni.

Is-sala tal-udjenza kienet mimlija b’eluf ta’ pellegrini minn madwar id-dinja, li wħud minnhom kellhom bnadar minn pajjiżhom, ħerqana li jaraw lill-Papa.

Fi tmiem il-laqgħa, qabel talab lill-“Missierna” u ta l-barka tiegħu, il-pontifikat fakkar f’ċerti pajjiżi u territorji li qed jesperjenzaw gwerra, fosthom l-Ukrajna, il-Myanmar, is-Sudan t’Isfel, u l-provinċja ta’ Kivu tat-Tramuntana tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo.

“Ejja nitolbu għall-paċi,” qal, “u ma ninsewx il-Palestina u l-Iżrael, li hemm se jkun hemm il-paċi.”

L-Ispirtu s-Santu, ta’ Gian Lorenzo Bernini, fil-Bażilika ta’ San Pietru. Ritratt: Dnalor_01/Wikimedia Commons

Fil-katekeżi tiegħu, il-Papa Franġisku fakkar fil-magħmudija ta’ Kristu, meta “l-Ispirtu stess niżel fuq Ġesù”.

Spjega li l-​Kristjani huma “midlukin b’imitazzjoni taʼ Kristu,” kif kiteb San Ċirillu taʼ Ġerusalemm fil-​Katekeżi Mistagoġiċi tiegħu.

Il-Papa rreċta t-talba li jgħid l-isqof meta jikkonsagra ż-żejt tal-Griżma nhar Ħamis ix-Xirka: “Jalla dawk iffurmati fit-tempju tal-maestà tiegħek bil-qdusija msejsa permezz ta’ din id-dilka u bit-tindif tat-tebgħa tad-dnub jiġu mfuħa bl-innoċenza ta’ ħajja li togħġobkom.”

“Persuna li tgħix il-Griżma tiegħu bil-ferħ tagħti l-fwieħa lill-Knisja, tagħti l-fwieħa lill-komunità, tagħti l-fwieħa lill-familja tiegħu,” qal il-ponti.

Waqt li kkwota mill-Ittra ta’ San Pawl lill-Galatin, Franġisku qal, “il-fwieħa ta’ Kristu toħroġ mill-‘frott tal-Ispirtu’, li huma ‘l-imħabba, il-ferħ, il-paċi, is-sabar, il-qalb tajba, it-tjubija, il-fedeltà, il-ħlewwa, ir-rażna’.”

“Huwa sabiħ li ssib persuna tajba, persuna fidila, persuna ħelwa, mhux kburija,” ikkummenta.

Id-dnub, saħaq il-Papa, “m’għandux ifixkilna mill-impenn li nirrealizzaw, sa fejn nistgħu u kull wieħed fl-ambjent tiegħu, din il-vokazzjoni sublimi li nkunu l-fwieħa tajba ta’ Kristu fid-dinja”.

“Ejjew nitolbu lill-Ispirtu s-Santu biex jagħmilna aktar konxji [li nkunu] midlukin, midlukin minnu,” temm jgħid.

Traduzzjoni mħejjija u adattata minn Lara Zammit għal tbissima.mt. It-test oriġinali bl-Ingliż jappartjeni lill-Catholic News Agency. 

LURA GĦALL-FAĊĊATA