Papa Franġisku fil-Velja tal-Għid: Kristu ‘jeħlisna mid-dlam għad-dawl’

Matthew Santucci via Catholic News Agency

Il-Papa Franġisku s-Sibt filgħaxija ppresieda l-Quddiesa tal-Velja tal-Għid fil-Bażilika ta’ San Pietru, fejn irrifletta fuq il-gravità tal-Għid bħala simbolu tat-tama u t-testment aħħari tal-ħajja fuq il-mewt.

Il-Ġimgħa filgħaxija kien hemm xi tħassib dwar is-saħħa tal-Papa wara li fl-aħħar minuta ħassar l-attendenza tiegħu fil-Via Crucis ta’ Ruma. L-Uffiċċju Stampa tas-Santa Sede qal li l-Papa ħa d-deċiżjoni “li jikkonserva saħħtu” għal-liturġija twila tal-Velja tal-Għid.

“Dan hu l-Għid ta’ Kristu, ir-rivelazzjoni tal-qawwa ta’ Alla: ir-rebħa tal-ħajja fuq il-mewt, it-trijonf tad-dawl fuq id-dlam, it-twelid mill-ġdid tat-tama fost il-fdalijiet tal-falliment. Huwa l-Mulej, Alla tal-impossibbli, li ressaq il-ġebla għal dejjem,” qal il-Papa nhar is-Sibt quddiem kważi 6,000 fidil miġbura fil-Bażilika ta’ San Pietru.

“Hu dak li jġibna mid-dlam għad-dawl li hu marbut magħna għal dejjem, li jeħlisna mill-abbiss tad-dnub u l-mewt, u jiġbidna fid-dinja radjanti tal-maħfra u l-ħajja ta’ dejjem,” kompla l-Papa fl-omelija tiegħu.

Il-Papa Franġisku jiċċelebra l-Velja tal-Għid tal-Vatikan, is-Sibt, 30 ta’ Marzu. Ritratt: Daniel Ibanez/CNA

Il-liturġija drammatika fetħet bil-Bażilika ta’ San Pietru fid-dlam. Il-Papa poġġa quddiem il-Bieb Filarete tas-seklu 15 (mgħotti b’purtiera bajda u xenarju irrakkmat ta’ Kristu rxoxt).

Il-Papa pinġa salib u l-alfa u l-omega (l-ewwel u l-aħħar ittri tal-alfabett Grieg) fuq ix-xemgħa bajda tal-Għid, li tissimbolizza l-qawmien ta’ Kristu u t-tama Nisranija ta’ ħajja ġdida fih.

Ix-xemgħa tal-Għid waqt il-Velja tal-Għid tal-Vatikan, is-Sibt, 30 ta’ Marzu. Ritratt: Daniel Ibanez/CNA

Djaknu ġarr ix-xemgħa wqat li mexa matul in-nava ċentrali tal-bażilika. Dan waqaf u kanta fi tliet ħinijiet differenti Lumen Christi (Dawl ta’ Kristu) li għalih il-kongregazzjoni wieġbet Deo Gratias (Grazzi lil Alla).

Dan il-mument kien segwit mill-kant tal-Exultet, jew it-tħabbira tal-Għid, talba antika li tistieden lill-fidili biex jingħaqdu mal-knisja biex jiċċelebraw il-qawmien ta’ Kristu.

Il-Papa Franġisku fetaħ l-omelija tiegħu billi rrifletta fuq id-dieqa u l-kostern tan-nisa deskritti fil-Vanġelu li “bid-dmugħ tal-Ġimgħa l-Kbira… għadu mhux niexef” resqu lejn il-qabar li kien imxekkel b’ġebla.

Il-Kleru u l-viżitaturi jiltaqgħu fil-Velja tal-Għid tal-Vatikan, is-Sibt, 30 ta’ Marzu. Ritratt: Daniel Ibanez/CNA

“Dik il-​ġebla, ostaklu kbir, kienet tissimbolizza dak li n-​nisa ħassew f’qalbhom. Kienet tirrappreżenta t-tmiem tat-tamiet tagħhom, issa mfarrka mill-misteru oskur u ta’ niket li temm il-ħolm tagħhom.

“Dik il-​ġebla mmarkat it-​tmiem tal-​istorja ta’ Ġesù, issa midfuna fil-​lejl tal-​mewt. Hu, il-ħajja li ġiet fid-dinja, kien inqatel,” kompla l-Papa.

Il-Papa Franġisku jitkellem fil-Velja tal-Għid tal-Vatikan, fit-30 ta’ Marzu. Ritartt: Daniel Ibanez/CNA

Iżda, innota l-Papa, in-nisa, meta tefgħu ħarshom ’il fuq, sabu l-ġebla mgerrba, mument li juri “ir-rebħa tal-ħajja fuq il-mewt, it-trijonf tad-dawl fuq id-dlam, it-twelid mill-ġdid tat-tama fost il-fdalijiet tal-falliment.”

Il-Papa rrakkonta d-dieqa inizjali, u t-tama, tan-nisa preżenti fil-qabar, filwaqt li nnota li llum kull wieħed minna “jiltaqa’ ma ‘lapidi’ bħal dawn fil-vjaġġ tagħna fil-ħajja – fl-esperjenzi u s-sitwazzjonijiet kollha li jisirqulna l-entużjażmu u s-saħħa biex nipperseveraw.”

Madankollu l-Papa talab lill-fidili biex ma jċedux għad-dieqa imma minflok jiġbdu t-tama mill-qawmien.

Il-Papa Franġisku jgħammed u jagħti l-Griżma lil 8 persuni fil-Velja tal-Għid dan is-Sibt Imqaddes fil-Vatikan. Ritratt: Daniel Ibáñez/ACI Prensa

“Jekk inħallu lil Ġesù jżommilna jdejna, l-ebda esperjenza ta’ falliment jew niket, hu kemm hu ta’ uġigħ, ma jkollu l-aħħar kelma dwar it-tifsira u d-destin ta’ ħajjitna. Minn hawn ’il quddiem, jekk inħallu lilna nfusna nitqajmu mill-Mulej Rxoxt, l-ebda daqqa ta’ ħarta, l-ebda tbatija, l-ebda mewt ma tkun tista’ twaqqaf il-progress tagħna lejn il-milja tal-ħajja.

“Imbagħad l-ebda ġebla ma tista’ timblokka t-triq għal qlubna, l-ebda qabar ma jrażżan il-ferħ tal-ħajja, l-ebda falliment ma jikkundannana għad-disperazzjoni,” kompla l-Papa. “Ejjew nerfgħu għajnejna lejh u nitolbu biex il-qawwa tal-qawmien tiegħu jerfalna l-ġebel tqil li jtaqqal r-ruħ.”

Wara mument qasir ta’ riflessjoni fi tmiem l-omelija, il-Papa Franġisku fetaħ ir-rit tal-magħmudija. Bit-tberik tal-ilma, u r-reċita pubblika tal-wegħdiet, is-Santu Missier għammed personalment tmien adulti: erba’ Taljani, żewġ Koreani, raġel Ġappuniż u Albaniż.

Traduzzjoni mħejjija u adattata minn Lara Zammit għal tbissima.mt. It-test oriġinali bl-Ingliż jappartjeni lill-Catholic News Agency

LURA GĦALL-FAĊĊATA