Oħloq Tbissima 2025: Minn ħolma għal 23 sena ta’ solidarjetà

Dak li beda f’Ġunju tal-2001 bħala sfida ta’ 55 siegħa xandir bla waqfien, illum sar parti mill-kalendarju tas-sajf Malti. L-ewwel maratona ta’ Oħloq Tbissima kienet l-għajn ta’ moviment ta’ solidarjetà li, illum li waslet għall-23 edizzjoni tagħha, għadha tgħaqqad il-poplu Malti u Għawdxi biex jagħti l-għajnuna tiegħu lil min hu fil-bżonn, kemm hawn Malta kif ukoll fil-missjonijiet tal-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl (MSSP).

Marthese Brincat, li kienet parti mill-ewwel tim tal-produzzjoni u għadha tagħti sehemha sal-lum, tgħid li kienet ħolma li bdiet b’mod umli imma bi skop kbir.

“Ridna ngħinu lit-tfal ta’ Dar San Ġużepp u lill-missjonijiet tal-MSSP fil-Peru, il-Pakistan u l-Filippini,” qalet.

Dakinhar, bl-għajnuna ta’ Fr Louis Mallia mssp, li diġà kien ilu jżur u jiffilmja fil-Peru, il-maratona setgħet turi filmati awtentiċi tal-faqar u l-bżonn ta’ dawk li kienu qed jingħataw is-servizz mill-missjunarji Maltin.

“Fr Louis xtaq li nagħmlu ġimgħa sħiħa ta’ xandir,” qalet Marthese, “imma dik kienet impossibbli. Għalhekk għamilniha 55 siegħa bla waqfien — minn nhar il-Ġimgħa filgħaxija sal-Ħadd f’nofs il-lejl.”

Il-maratona ma kinitx biss spettaklu ta’ kant, żfin u divertiment. “Ridna nagħtu lill-Maltin l-istorja vera ta’ x’inhuma jagħmlu l-missjunarji tagħna u ngħarrfu lit-telespettaturi bil-faqar kbir li hemm fil-postijiet fejn jaħdmu l-MSSP. Kienet l-ewwel darba li għamilna wkoll kollegamenti diretti mal-Peru, u n-nies apprezzaw ferm.”

Illum, 23 sena wara, Oħloq Tbissima baqgħet tħaddan l-istess missjoni. Għal Marthese u l-ħafna voluntiera li jagħmlu dan il-proġett possibbli, is-suċċess ta’ kull edizzjoni jibqa’ r-rispons mill-poplu.

“Il-fatt li l-Maltin u l-Għawdxin jibqgħu jwieġbu b’ġenerożità kbira kull sena jagħtina l-kuraġġ inkomplu. Il-maratona saret appuntament importanti li jgħaqqadna bħala poplu f’ġest ta’ mħabba u għajnuna lejn min hu fil-bżonn.”

U hekk, bl-għajnuna tal-MSSP u dawk kollha li jagħtu sehemhom, Oħloq Tbissima tibqa’ l-maratona li toħloq tbissima fuq fomm min hu l-aktar fil-bżonn.

Il-maratona Oħloq Tbissima ta’ din is-sena se tixxandar bejn il-11 u t-13 ta’ Lulju. Agħti donazzjoni biex tgħin il-missjoni hawnkekk: https://www.ohloqtbissima.com/index.php

LURA GĦALL-FAĊĊATA