Oħloq Tbissima 2025: Bħal-lum xahar tibda t-23 edizzjoni

Mill-istudios ta’ CPI Media, il-Ġimgħa, 11 ta’ Lulju, Fr Louis Mallia MSSP fl-4pm se jinawgura t-23 edizzjoni tal-maratona ta’ xandir Oħloq Tbissima.

Sa mill-ewwel maratona ta’ ġbir ta’ flus li saret f’Ġunju tal-2001, il-fondi li nġabru għenu lit-tfal tad-Dar ta’ San Ġużepp, Santa Venera, u l-missjonijiet li l-patrijiet tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl għandhom fil-Perù, il-Pakistan u l-Filippini.

Il-fondi li jinġabru kull sena jagħmlu differenza konkreta fil-ħajja ta’ diversi nies f’Malta u barra minn xtutna. Żomm ruħek aġġornat bit-tħejjijiet għall-edizzjoni ta’ din is-sena fuq tbissima.mt, fejn matul dan ix-xahar se jintwera kif id-donazzjonijiet tagħkom jagħmlu differenza vera.

Il-maratona ta’ din is-sena se tixxandar bejn l-11 u t-13 ta’ Lulju.

Il-Ġimgħa, Oħloq Tbissima tieqaf fil-11pm, imma nerġgħu ningħaqdu mat-telespettaturi is-Sibt, 12 ta’ Lulju, mill-4pm sal-11pm, u l-Ħadd, 13 ta’ Lulju, mill-4pm sal-11.30pm. Il-maratona tixxandar f’diversi ħinijiet fuq TVM, Net u One, kif ukoll fuq F Living u tbissima.mt.

Fr Louis Mallia mill-edizzjoni ta’ Oħloq Tbissima tal-2024. Ritratt: CPI Media

“Dan kollu qed isir minn tim li għandu għal qalbu kemm il-missjonijiet tal-MSSP kif ukoll lit-tfal li jgħixu 24/7 fid-Dar ta’ San Ġużepp,” qalet Marthese Brincat mit-tim wara l-produzzjoni ta’ Oħloq Tbissima. “Grazzi lil tant u tant nies li volontarjament u b’ħafna mħabba qed jgħinuna.”

Inti tista’ tagħmel differenza bid-donazzjoni tiegħek. Agħti t-tama, agħti donazzjoni, u agħti d-dinjità.

ohloqtbissima.com/donate

LURA GĦALL-FAĊĊATA