Nifirħu bil-miġja ta’ Ġesù: xi simboli ta’ Ħadd il-Palm

Lara Zammit u ACI Prensa

Illum nimmarkaw il-bidu tal-Ġimgħa Mqaddsa b’Ħadd il-Palm, li fiha nfakkru l-miġja ta’ Ġesù f’Ġerusalemm, meta ġie milqugħ minn folla ġġorr il-palm u l-friegħi taż-żebbuġ.

Ħadd il-Palm f’Malta jiġi ċċelebrat b’purċissjonijiet mat-toroq ta’ bosta rħula. Din tara lir-residenti, żgħar u kbar, lebsin kostumi tal-epoka, fosthom Kristu riekeb il-ħmar.

Waqt il-purċissjoni tradizzjonali ta’ Ħadd il-Palm, it-tfal jilbsu ta’ personaġġi Bibliċi u jimxu fit-toroq tar-raħal janimaw episodji mill-passat. Dan ir-ritratt, meħud fl-10 ta’ April, 2021, juri wieħed minn dawn it-tfal. Ritratt: Mario L Borg/Wikimedia Commons

Ħadd il-Palm jimmarka d-dħul trijonfanti ta’ Kristu f’Ġerusalemm qabel ma ġie msallab u huwa l-bidu taċ-ċelebrazzjonijiet li jwasslu għall-Għid, l-aktar festa importanti fil-kalendarju Nisrani.

Iċ-ċelebrazzjoni hija mgħammra b’bosta tradizzjonijiet u simboli li jgħinuna niftħu qalbna u moħħna matul din il-ġurnata.

Is-saċerdoti jilbsu l-aħmar

Il-Papa Franġisku jiċċelebra Ħadd il-Palm fi Pjazza San Pietru fil-25 ta’ Marzu, 2018. Ritratt: Catholic News Agency

L-aħmar huwa l-kulur tad-demm u jissimbolizza l-imħabba, in-nar, il-passjoni u d-demm tas-sagrifiċċju.

L-aħmar għandu sinifikat doppju. Minn naħa, l-aħmar jissimbolizza t-tixrid tad-demm u għalhekk jintuża f’Ħadd il-Palm (meta Kristu daħal Ġerusalemm biex iħejji għall-mewt tiegħu), il-Ġimgħa l-Kbira, kull tifkira oħra tal-Passjoni tal-Mulej, il-jiem li jimmarkaw il-martirju tal-appostli (ħlief San Ġwann) u l-festi ta’ martri oħra li offrew ħajjithom għall-fidi.

Min-naħa l-oħra, l-aħmar ifisser ukoll in-nar jaħraq tal-imħabba ta’ Alla. Għal din ir-raġuni, l-ilbiesi ħomor jintrebħu f’Pentekoste meta l-Ispirtu s-Santu niżel fuq l-appostli u l-ilsna tan-nar straħu fuq rashom, kif ukoll għaċ-ċelebrazzjoni tas-Sagrament tal-Griżma.

Ġesù jidħol Ġerusalemm riekeb ħmar

Dħul ta’ Kristu f’Ġerusalemm (1617) ta’ Anthony van Dyck. Ritratt: Wikimedia Commons

Ir-​rikba ta’ Ġesù fuq ħmar tara t-​twettiq tal-​profezija f’Żakkarija 9:9-10.

Għall-​pajjiżi tal-​qedem tal-​Lvant Nofsani, l-​għażla ta’ mexxej bejn ħmar u żiemel turi l-​intenzjoni tiegħu meta jasal f’territorju ieħor. Iż-żwiemel jintgħażlu jekk il-mexxej irid ixerred il-gwerra, u l-ħmir jintgħażlu jekk jiġu fil-paċi. Id-​dħul ta’ Ġesù f’Ġerusalemm fuq ​ħmar affermatu bħala l-Messija kif ukoll uriet l-​umiltà u l-​intenzjoni tiegħu li jġib il-​paċi.

Il-weraq tal-palm u taż-żebbuġ

Id-Direttorju tal-Vatikan dwar il-Pietà Popolari u l-Liturġija jinnota li “l-fidili jħobbu jżommu fi djarhom, u kultant fuq il-post tax-xogħol, friegħi ta’ siġar taż-żebbuġ jew siġar oħra, li jkunu tbierku u jinġarru fil-purċissjoni ta’ Ħadd il-Palm”.

Tberik tal-weraq tal-palm f’Ħadd il-Palm fir-Rabat, Malta, fl-10 ta’ April, 2022. Ritratt: Wikimedia Commons

Is-saċerdot Arġentin Leandro Bonnin, awtur ta’ kotba dwar l-ispiritwalità u d-difiża tal-ħajja, qal lil ACI Prensa li “tajjeb li nżommu sinjal viżibbli ta’ ċelebrazzjoni daqshekk sabiħa u importanti”.

Id-Direttorju msemmi hawn fuq jgħid li l-pali “huma ppreservati, fuq kollox, bħala xhieda tal-fidi fi Kristu u fir-rebħa tiegħu tal-Għid”.

Il-palmi u ż-żebbuġ fil-Knisja huma simbolu tal-martirju u r-rebħa fuq il-mewt. Daniel Ibañez/CNA

Il-Papa Benedittu XVI, fl-omelija ta’ Ħadd il-Palm fl-2006, jispjega: “Friegħi taż-żebbuġ, sinjal ta’ paċi, u friegħi tal-palm, sinjal tal-martirju, huma don tal-ħajja lil Alla u lill-ħutna l-bnedmin. Huma xhieda tal-fidi soda li għandna fil-misteru tal-Għid li niċċelebraw”.

Parti minn dan l-artiklu ġie tradott minn test oriġinali bl-Ispagnol li jappertjeni lil ACI Prensa.

LURA GĦALL-FAĊĊATA