Missjoni tal-MSSP fil-Peru tgħin lil nies milquta mill-għargħar

Lara Zammit

“Aħna naħdmu fejn hemm l-aktar faqar,” beda Fr Victor Livori MSSP, li bħalissa qed imexxi missjoni fil-Peru. “Issibna fil-periferiji għax aħna mmorru dejjem fejn hemm l-aktar bżonn.”

Fil-Peru, ix-xhar li għadda, fil-provinċja ta’ Arequipa ta’ Kastilja, għargħar kbir ikkawża ħsarat serji fil-belt ta’ Miña u ħalla d-distrett ta’ Choco iżolat.

Skont l-awtoritajiet lokali, id-diżastru naturali, li seħħ fit-22 ta’ Jannar, ikkawża qerda konsiderevoli fir-reġjun. Dan kien riżultat ta’ xita qliel li kkaġuna għargħar bit-tajn li tkaxkar mal-għoljiet.

Provvisti li ġabret il-missjoni tal-MSSP fil-Peru għan-nies milquta mill-għargħar. Ritratt: MSSP Peru

Minn dak iż-żmien, Fr Victor u l-missjoni li qed imexxi taw bosta għajnuna lin-nies milquta, li sfaw bla saqaf fuq rashom u mingħajr ikel u ilma.

Id-diżastru naturali kkawża l-kollass tas-sistema tal-ilma tax-xorb fil-lokalità, u kisser pont motorizzat, ċimiterju u skola primarja, minbarra l-impatt li ħalla fuq djar qrib ix-Xmara Challa.

Fr Victor Livori u l-missjunarji l-oħra telqu biex jagħtu l-għajnuna fis-sagħtejn ta’ filgħodu. Ritratt: MSSP Peru

‘L-ilma kaxkar kulma sab quddiemu’

“Jien ili 34 sena fil-Peru,” qal Fr Victor. “Spiċċajt qattajt aktar żmien hawn f’ħajti s’issa milli qattajt f’Malta.

“Aħna naħdmu fejn is-sitwazzjoni tkun tant awstera u diffiċli li anke qassisin oħra ma jkunux iridu jmorru.

“Imma l-fundatur tal-MSSP Mons. Giuseppe De Piro għamililna biċ-ċar – aħna mmorru fejn hemm l-aktar bżonn. Il-paroċċi tagħna qatt m’huma se jkunu dawk taċ-ċentru fejn hemm forsi ħajja aktar komda.”

Il-missjoni tal-MSSP fil-Peru taħdem speċjalment man-nies li jgħixu fil-periferiji tas-soċjetà, li ħafna drabi jiġu mill-muntanji biex jippruvaw isibu ħajja aħjar fil-belt ta’ Arequipa, u b’hekk ikunu l-aktar fqar possibli.

Il-villaġġ milqut kien sebgħa siegħat ’l bogħod bil-mixi. Ritratt: MSSP Peru 

Il-villaġġ li ġie milqut mill-għargħar tax-xhar li għadda huwa wieħed minn dawn il-postijiet fil-muntanji fejn Fr Victor kien jaħdem.

“Dan hu wieħed mill-postijiet l-aktar abbandunati għax hemm diffikultà kbira biex tasal hemm,” spjega l-qassis. “Tant hu mbiegħed li trid mas-sebgħa siegħat mixi biex tasal għax l-uniku aċċess huwa permezz ta’ triq dejqa mmens.”

Minkejja d-diffikultà, Fr Victor jgħid li għandu bħala gwida l-għan tal-MSSP, li “dejjem hija miftuha biex tgħin u takkumpanja lin-nies f’dawn is-sitwazzjonijiet diffiċli.

Fr Victor Livori fil-villaġġ meqrud. Ritratt: MSSP Peru

“Aħna għamilna mill-aħjar li stajna nagħmlu. Ix-xita li għamlet bdiet iġġorr il-pontijiet, u l-għargħar bit-tajn beda jkaxkar miegħu ġebel kbir u siġar; imblokka l-pontijiet u ħoloq għadira. Il-pont fl-aħħar inqasam u l-ilma kollu tal-għadira beda jkaxkar kulma jsib quddiemu.

“Fl-aħħar baqa’ dieħel fil-villaġġ u kaxkar id-djar kollha ta’ 25 familja. Għall-grazzja t’Alla kienu ppreparati minn qabel għax kienu ġew javżawhom. Ħadd ma miet għax kienu ppreparati, imma f’incident ieħor bhalu kienu mietu 12, fosthom ġenituri li t-tfal tagħhom saru orfni.

“Aktar minn nofs id-djar tal-villaġġ huma mgħarrqin fit-tajn u ċ-ċimiterju kollu spiċċa.”

L-għargħar kaxkar kulma sab quddiemu. Ritratt: MSSP Peru

Aktar minn nofs id-djar tal-villaġġ huma mgħarrqin fit-tajn. Ritratt: MSSP Peru

‘Intom parti minn din il-missjoni’

In-nies tal-villaġġ marru jitolbu lil Fr Victor biex iqaddes il-quddiesa tat-2 ta’ Frar għall-festa tal-Madonna ta’ Candelaria u tallbuh biex jiġbor xi ilma, ħwejjeġ u ikel għan-nies milquta.

Fr Victor jeżamina l-qerda. Ritratt: MSSP Peru

“Ħriġna fis-sagħtejn ta’ filgħodu biex immoru dan il-post. Bil-mod il-mod qed nippruvaw ngħinuhom, anke biex jirkuppraw id-djar li sparixxewlhom bl-għajnuna tal-muniċipju t’hawnhekk.

“Il-motivazzjoni hija dejjem li f’dawn in-nies naraw lil Kristu. Kristu qatt m’għadda indifferenti meta ra t-tbatija tan-nies. U li nieħdu pjaċir aħna huwa preċiżament li ma nħossuniex waħedna.”

Pruċissjoni waqt il-festa tal-Madonna ta’ Candelaria. Ritratt: MSSP Peru

Fr Victor faħħar u rringrazzja lil bosta benefatturi Maltin, li grazzi għalihom, speċjalment bid-donazzjonijiet li jagħmlu waqt il-maratona Oħloq Tbissima, il-missjonijiet madwar id-dinja jistgħu jgħinu lin-nies fil-bżonn.

“Aħna nafu li hemm ħafna benefatturi f’Malta,” qal Fr Victor. “Grazzi għal Oħloq Tbissima, aħna sibna l-għajnuna li kellna bżonn fil-waqt preċiż li kellna bżonnha.

Il-villaġġ huwa mbiegħed ħafna. Ritratt: MSSP Peru

“Lil dawn in-nies benefatturi jiena ngħid: intom parti minn din il-missjoni.

“Il-missjunarju waħdu ma jista’ jagħmel xejn. Il-missjunarju għandu bżonn kontinwament l-appoġġ ta’ qlub benefatturi ġenerużi li jgħinu biex dawn in-nies li spiċċaw f’sitwazzjonijiet diffiċli jiksbu l-għajnuna li għandhom bżonn.

Fr Victor juża ħabel biex jgħaddli l-provvisti. Ritratt: MSSP Peru

“Jiena minn qalbi nirringrazzjakom, b’mod speccjali l-benefatturi Maltin li mid-djar tagħkom issiru missunarji kbar għaliex bis-saħħa tagħkom inkunu nistgħu ngħinu lil tant nies.”

Jekk tixtiequ tagħtu donazzjoni lil Oħloq Tbissima, tistgħu tagħmlu dan billi tagħfsu l-buttuna tad-Donazzjoni fil-quċċata tal-paġna, jew billi taċċessaw il-paġna minn din il-ħolqa.

LURA GĦALL-FAĊĊATA