Mejju huwa x-xahar iddedikat lil ommna Marija

via ACI Prensa

Mejju huwa x-xahar li l-Knisja tiddedika lil Marija Bambina, omm Alla u ommna.

Għalhekk dan ix-xahar huwa żmien tajjeb biex inġeddu l-imħabba tagħna għall-mara li Alla għażel biex tkun l-omm fuq l-art ta’ Ibnu, Ġesù Kristu.

Ritratt: Dominju Pubbliku

Ejjew ngħixu dan ix-xahar qrib Marija

Fil-pjan tas-salvazzjoni, il-Verġni Mqaddsa Marija għandha post speċjali. Bis-saħħa tar-rwol tagħha li tkun omm l-Iben t’Alla, hija ġiet imnissla mingħajr it-tebgħa tad-dnub oriġinali – u bil-fedeltà lejn binha, ġiet inkurunata sultana tas-sema u tal-art.

Dak kollu li qalet u għamlet Marija jwassal għal Kristu.

Il-Knisja titlob lil uliedha biex matul dan ix-xahar ikunu devoti b’mod speċjali lil Marija u biex ikunu partikolarment grati għall-kura kollha tagħha.

Mudell għal kull Nisrani

Aspett ieħor li wieħed għandu jikkunsidra u jimmedita fuqu huwa li Marija, l-aktar umli fost in-nisa kollha, hija mudell għal kulħadd u b’mod partikolari għal kull mara, kif esprima l-Papa Franġisku.

“Għalik mudell wieħed biss, Marija: il-mara tal-fedeltà, dik li ma fehmitx x’qed jiġrilha imma obdiet. Dik li malli kienet taf x’għandha bżonn kuġintha telaq (biex tgħinha), il-Verġni tal-Prontezza. Dik li ħarbet bħala refuġjata f’pajjiż barrani biex issalva l-ħajja ta’ binha,” qal il-Papa Franġisku waqt messaġġ ta’ April 2014 lil 20,000 żagħżugħ miġbura f’Buenos Aires, l-Arġentina, għal jum reġjonali taż-żgħażagħ.

Madonna and Child with Angels ta’ Benozzo Gozzoli. Ritratt: Dominju Pubbliku

L-ewwel dixxiplu

Snin wara, waqt katekeżi tal-24 ta’ Awwissu 2021, il-Papa Franġisku sejjaħ lil Marija “l-ewwel dixxiplu ta’ Ġesù” u fakkarna li “Marija qiegħda hemm, titlob għalina, titlob għal dawk li ma jitolbux. Għaliex? Għax hi ommna.”

Il-Verġni, permezz ta’ Ġesù, ressqet is-sema eqreb lejna. Kif qal il-Papa Franġisku fid-diskors tal-Angelus dwar is-solennità tal-Assunta fil-15 t’Awissu, 2022: “Turina li s-sema jista’ jintlaħaq jekk aħna wkoll ma nċedux għad-dnub, infaħħru lil Alla bl-umiltà u naqdu lill-oħrajn b’ġenerożità”.

Traduzzjoni mħejjija u adattata minn Lara Zammit għal tbissima.mt. It-test oriġinali bl-Ingliż jappartjeni lill-Catholic News Agency. 

LURA GĦALL-FAĊĊATA