Marija Maddalena, l-ewwel xhud tal-Qawmien ta’ Kristu  

Lara Zammit

Marija Maddalena (xi kultant imsejħa Marija ta’ Magdala, jew sempliċiment il-Maddalena) kienet mara li, skont l-erba’ evanġelji kanoniċi, vjaġġat ma’ Ġesù bħala waħda mis-segwaċi tiegħu u kienet xhieda tat-tislib u l-qawmien tiegħu.  

L-erba’ Evanġelji kollha jixhdu l-fatt li Marija Maddalena hija fost in-nisa li marru jżuru l-qabar ta’ Ġesù u sabu l-qabar vojt. Madankollu, l-istorja sħiħa tad-dehra ta’ Ġesù lil Marija Magdalena waħedha hija rrakkontata biss f’kapitlu 20 tal-Evanġelju ta’ Ġwanni.  

Hawnhekk, hi nfirdet minn man-nisa l-oħra u marret tgħid l-aħbar lil Pietru. Pietru u Ġwanni mbagħad ġrew lejn il-qabar u ukoll sabuh vojt. Ġwanni, waqt li rrakkonta l- ġrajja fl-Evanġelju, qal li “emmen” tassew meta ra l- qabar vojt. Meta Pietru u Ġwanni telqu mill-qabar, Marija baqgħet hemm u rat viżjoni ta’ żewġ anġli. Bid-dmugħ f’għajnejha, saqsiethom fejn ittieħdet il-Mulej. Imbagħad daret, u f’daqqa waħda Ġesù nnifsu deher quddiema, imma hi m’għarfitux mill-ewwel.  

Ħafna mid-dixxipli m’għarfux lil Ġesù fil-ġisem igglorifikat tiegħu mal-ewwel impressjoni. Din ġrat fit-triq ta’ Għemmaws, kif jirrakkonta Luqa (24:13-35), kif ukoll lill-grupp tal-appostli fuq ix-xatt tal-Baħar tal-Galilija (Ġw 21:1-23).  

Marija ta’ Magdala tagħraf lil Ġesù biss meta jlissen isimha. Hija weġbitu, Rabboni (għalliem).  

Noli me tangere fresco ta’ Fra Angelico  

Noli me tangere – La tmissnix   

Meta Marija għarfet lil Ġesù, qalilha biex ma tmissux, għax għadu ma “telgħax” għand Missieru (20:17).  

Ħafna artisti ttrattaw din ix-xena u kienet prominenti f’ħafna rappreżentazzjonijiet, fejn l-artisti kienu jafuha fil-verżjoni tal-Vulgata Latina noli me tangere, jew “la tmissniex.”  

Il-frażi oriġinali tal-Grieg Koine, Μή μου ἅπτου (mḗ mou háptou), hija rappreżentata aħjar fit-traduzzjoni bħala “toqgħodx iżżomm miegħi” fejn hemm referenza għal azzjoni kontinwa, mhux tal-mument.  

Imma Ġesù għala ma riedx li Marija Maddalena ma tmissux? Għaxar versi ’l quddiem, fl-istess kapitlu tal-Evanġelju taʼ Ġwanni, Ġesù jgħid lil Tumas biex imissu: “Ġib sebgħek hawn u ara idejja, u ressaq idek u qegħedha fuq ġenbi; tkunx bniedem bla fidi, iżda emmen” (Ġwanni 20:28). Ġesù jrid jipprova lil Tumas li l- ġisem glorifikat tiegħu hu reali, li ma hu l- ebda fantażma jew dehra, imma tassew qam mill- imwiet.  

Skont Maurice Zundel (1897-1975), meta Ġesù talab lil Marija Maddalena biex ma tmissux, Ġesù jindika li ladarba jitwettaq il-qawmien, ir-rabta bejn il-bnedmin u l-persuna tiegħu m’għandhiex tibqa’ fiżika, imma trid tkun rabta tal-qalb.  

“Trid tifhem li l-uniku mod possibbli hija l-fidi, li l-idejn ma jistgħux jilħqu l-persuna u li nistgħu nersqu lejh biss fil-ġewwieni tagħna,” qal Zundel. 

Bl-istess mod, aktar tard, meta Tumas mar biex imiss il-feriti ta’ Ġesù, Kristu jiddikjara: “ħenjin dawk li ma rawx u emmnu” (Ġwanni 20:29).  

Marija Maddalena hija meqjusa bħala qaddisa mid-denominazzjonijiet Kattolika, Ortodossa tal-Lvant, Anglikana u Luterana.  

Fl-2016, il-Papa Franġisku għolla l-livell tal-memorja liturġika fit-22 ta’ Lulju minn tifkira għal festa, sejjaħha “l-Appostlu tal-appostli”.  

LURA GĦALL-FAĊĊATA