Malta: proġett ambizzjuż għat-tfal ta’ Dan San Ġużepp

Filwaqt li l-għajnuna tasal sa l-iktar rokna imbiegħda tad-dinja, Oħloq Tbissima jiftakar ukoll fil-bżonnijiet tagħna stess hawn Malta. Parti mill-fondi miġbura matul il-maratona titmur għad-Dar ta’ San Ġużepp f’Santa Venera. F’din id-dar jgħixu 15-il tifel ta’ etajiet differenti, taħt il-kura ta’ care workers dedikati li 24 siegħa kuljum jagħmlu minn kollox biex it-tfal iħossuhom maħbubin u siguri.

Iżda x’jiġri meta dawn it-tfal jagħlqu 18-il sena? Sfortunatament ħafna drabi, jekk m’humiex għadhom kapaċi jgħixu waħedhom, jispiċċaw jiffaċċjaw riskju ta’ faqar u emarġinazzjoni. Għalhekk Fr Louis Mallia mssp qed jimbarka fuq proġett ambizzjuż: jibni appartament żgħar fejn dawn iż-żgħażagħ jistgħu jibqgħu jgħixu b’ċerta indipendenza sakemm ikunu jistgħu jibdew ħajjithom għal rashom.

Dan il-proġett jiswa ħafna, imma bl-għajnuna tiegħek jista’ jsir realtà. Oħloq Tbissima 2025 se tkun ukoll maratona ta’ tama għal dawn iż-żgħażagħ Maltin. Kull donazzjoni se tgħin biex jinfetħu bibien ġodda għal dawn iż-żgħażagħ u jingħataw l-opportunità li jibnu futur aħjar f’art twelidhom stess.

Minn qalbna nħeġġuk tagħti l-kontribut tiegħek waqt il-maratona tal-11 sat-13 ta’ Lulju fuq TVM, Net, One u fliving. Ikkontribwixxi fil-ġid u ibqa’ segwi biex tara kif kulħadd jista’ jkun raġġ ta’ tama, hawn Malta u madwar id-dinja.

LURA GĦALL-FAĊĊATA