‘Laudate Deum’ tal-Papa Franġisku ippubblikat bil-Malti

Id-Dar tal-Pubblikazzjoni tal-Franġiskani Konventwali Reliġjon u Ħajja (RuĦ), ippubblikat id-dokument tal-Papa Franġisku Laudate Deum bil-Malti.

It-traduzzjoni saret minn Francesco Pio Attard u l-ktejjeb ta’ 48 paġna għandu l-istess format bħall-Enċiklika Laudato Si’, li ġiet ippubblikata fl-2015. Il-ktieb bl-Enċiklika Laudato Si’ bil-Malti nbiegħ u għalhekk il-pubblikatur RuĦ ħareħ edizzjoni ġdida li fiha hemm ukoll id-dokument Laudate Deum.

L-ambjent u l-ħsara li qed issofri permezz tal-iżvilupp magħmul mill-bniedem huma suġġetti li l-Papa Franġisku spiss tkellem dwarhom u regolarment jagħmel referenzi għalihom fid-diskorsi u l-kitbiet tiegħu. Kien għalhekk li fl-4 ta’ Ottubru, 2023, fil-festa ta’ San Franġisk ta’ Assisi, iffirma l-Eżortazzjoni Appostolika Laudate Deum (Faħħru lil Alla) dwar il-kriżi tal-klima.

Dan id-dokument, kif jgħid il-Papa nnifsu fl-introduzzjoni tiegħu, huwa kontinwazzjoni tal-Enċiklika tiegħu Laudato Si’ għax “m’aħniex qed nirreaġixxu biżżejjed” għall-ħsara ambjentali.

It-traduzzjoni bil-Malti tal-‘Laudate Deum’ tal-Papa Franġisku, ippubblikata minn Reliġjon u Ħajja (RuĦ)

Id-dinja li tilqagħna qed tisfar, jgħid il-Papa, u forsi miexja lejn il-punt li fih tista’ tkisser. Huwa għalhekk li l-Papa Franġisku wassal dokument ieħor biex jgħinna nirrealizzaw li nistgħu nsalvaw id-dinja tagħna stess billi naħdmu bis-sħiħ biex nipproteġu l-ambjent u l-klima.

Għat-titlu tad-dokument, kif għamel ma’ Laudato Si’, il-Papa jikkwota l-kliem ta’ San Franġisk: “Faħħru lil Alla għall-ħlejjaq kollha tiegħu”. Id-dokument huwa maqsum f’sitt kapitli li fihom il-Papa jittratta l-kriżi globali tal-klima, filwaqt li jargumenta li fid-dinja hemm reżistenza u konfużjoni fuq din it-tema.

Ikompli b’kif qed isseħħ din il-kriżi u kif il-bnedmin qed jikkawżawha, u jgħid li hemm ħafna ħsarat li jseħħu fil-ħajja soċjali, fiżika u psikoloġika u r-riskji li jkomplu jiggravawhom huma kbar.

L-edizzjoni Maltija tad-dokument fiha indiċi qasir ta’ Monsinjur Prof. Hector Scerri.

Iż-żewġ kotba qed jinbiegħu mill-ħwienet ta’ Emmaus f’Birkirkara u r-Rabat Għawdex jew online minn ruhmalta.com.

LURA GĦALL-FAĊĊATA