L-Oratorju tal-MSSP iniedi l-programm tal-Ġimgħa Mqaddsa

Lara Zammit

L-Oratorju tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl (MSSP) nieda l-programm tal-Ġimgħa Mqaddsa u t-Tridu tal-Għid ta’ din is-sena.

Iċ-ċentru għall-katekeżi u liturġija f’Birkirkara ħabbar il-programm fuq il-media soċjali tal-Oratorju.

Mat-tħabbira, qalu: “Wara li għexna flimkien iż-żmien tar-Randan fit-talb, is-sagrifiċċju u l-karità, minn nhar il-Ħadd, 24 ta’ Marzu, il-Knisja tidħol fl-aktar żmien qaddis tas-sena liturġika.

“Permezz tad-diversi katekeżijiet u ċelebrazzjonijiet tal-liturġija, aħna nistednukom biex tingħaqdu mal-komunita’ tal-Oratorju għal dan iż-żmien qaddis.

Entry of Jesus Christ into Jerusalem (1320) ta’ Pietro Lorenzetti. Ritratt: Wikimedia Commons

Il-Ġimgħa Mqaddsa din is-sena se tkun bejn l-24 u l-31 ta’ Marzu.

Iċ-ċelebrazzjonijiet tal-liturġija fl-Oratorju jibdew il-Ħadd, 24 ta’ Marzu fl-okkażżjoni ta’ Ħadd il-Palm, b’Ċelebrazzjoni Ewkaristika fis-7.30am u Ċelebrazzjoni Ewkaristika Solenni u tberik tal-palm u taż-żebbuġ fl-10.30am.

Nhar it-Tnejn, 25 u t-Tlieta, 26 ta’ Marzu, se jkun hemm Liturġija tal-Kelma fl-Oratorju fis-7pm li takkumpanjana sat-tridu tal-Għid.

L-Erbgħa, 27 ta’ Marzu huwa jum il-Penitenzjal, li ser isir l-Oratorju fis-7pm bis-Sagrament ta’ Rikonċiljazzjoni. F’din il-liturġija penitenzjali, jkollna ċans nirrikonciljaw lilna nfusna mal-Mulej u mal-oħrajn permezz tas-sagrament tal-qrar. Hija opportunità biex dan il-misteru tal-Għid ngħixuh b’qalb miftuħa u ħielsa.

F’Ħamis ix-Xirka, nhar il-Ħamis, 28 ta’ Marzu, li l-Oratorju sejjaħ ‘Jum l-Imħabba’, ser issir Ċelebrazzjoni Ewkaristika Solenni fis-7pm fejn “nisħru mal-Mulej f’Adorazzjoni li tkompli matul il-lejl”.

Manuscript Illumination with Scenes of Easter (ca. 1320). Ritratt: The MET/Dominju Pubbliku

Nhar il-Ġimgħa, 29 ta’ Marzu, fil-Ġimgħa l-Kbira, li l-Oratorju sejjaħ ‘Jum il-Fidi’, ser isir Talb tas-Salmi fid-9am u Tifkira tal-Passjoni tal-Mulej fit-3pm. Permezz tat-talb tas-salmi, ningħaqdu mal-Knisja kollha fil-jum tant għażiż meta l-Għarus jittieħed biex jagħti ħajtu għall-maħbubin tiegħu.

F’Sibt il-Għid, fit-30 ta’ Marzu, li l-Oratorju sejjaħ ‘Jum it-Tama’, ser issir ‘Is-Siegħa ta’ Marija’ fit-8am, fejn nieħdu sehem fit-Talb tas-Salmi u Dilka tal-Knisja biż-Żejt. Fit-3pm, ser issir Velja tal-Għid il-Kbir tal-Mulej.

Nhar il-Ħadd, 31 ta’ Marzu, fl-Għid il-Kbir tal-Mulej, ser issir Ċelebrazzjoni Ewkaristika fis-7.30am u Ċelebrazzjoni Ewkaristika Solenni fl-10.30am.

Għal iktar informazzjoni, segwu l-pagna ta’ Facebook tal-Oratorju tal-MSSP fuq facebook.com/oratorjumssp jew il-website oratorjumssp.org.

LURA GĦALL-FAĊĊATA