L-MSSP b’seminar dwar Fra Ġużepp Caruana, l-ewwel missjunarju tas-Soċjetà

Is-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl se torganizza seminar online f’żewġ sessjonijiet dwar il-ħajja u l-ħidma ta’ Fra Ġużepp Caruana MSSP, meqjus bħala l-ewwel missjunarju tas-Soċjetà. L-inizjattiva qed tittella’ hekk kif l-MSSP qed tħejji biex tfakkar il-mitt sena minn meta Caruana ntbagħat missjunarju fl-Abissinja, illum l-Etjopja.

Kien fil-21 ta’ Ġunju 1927 meta l-fundatur tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl, Mons. Ġużeppi De Piro, bagħat lil Fra Ġużepp Franġisk Caruana, wieħed mill-ewwel membri tas-Soċjetà li kienet għadha fil-bidu tagħha, biex jaqdi l-missjoni fl-Abissinja, illum l-Etjopja.

Kważi seklu wara, l-MSSP qed tistieden lill-pubbliku biex jiskopri aktar dwar il-ħajja u x-xhieda ta’ din il-figura missjunarja permezz ta’ seminar online maqsum f’żewġ partijiet.

L-ewwel sessjoni, bit-tema “Becoming a Missionary”, se ssir is-Sibt 17 ta’ Ottubru. Din se tiffoka fuq il-mixja ta’ Fra Ġużepp minn Malta għall-Etjopja u fuq ir-rwol ta’ Mons. De Piro fil-formazzjoni u l-vokazzjoni missjunarja tiegħu.

Għal dawk li se jsegwu minn Malta, l-ewwel sessjoni tibda fl-10am. Is-seminar se jkun aċċessibbli wkoll għal parteċipanti f’diversi pajjiżi fejn illum hija preżenti s-Soċjetà, fosthom il-Pakistan, il-Filippini u l-Awstralja.

It-tieni sessjoni, “Carrying the Mission Forward”, se ssir is-Sibt 7 ta’ Novembru. Din se tħares lejn il-ħajja u x-xhieda ta’ Fra Ġużepp fis-snin ta’ wara l-mewt tal-Fundatur, u lejn kif kompliet il-missjoni li kienet bdiet taħt it-tmexxija ta’ De Piro. Din is-sessjoni tibda fid-9am ħin ta’ Malta.

Permezz ta’ dawn iż-żewġ laqgħat, is-Soċjetà qed tħejji wkoll għaċ-ċentinarju tal-ġrajja tal-1927, meta l-ewwel missjunarju tagħha telaq biex jaqdi barra minn Malta — pass importanti fl-iżvilupp tal-viżjoni missjunarja tal-MSSP.

Is-seminar se jsir permezz ta’ Zoom u l-link biex wieħed jingħaqad jintbagħat lil dawk li jirreġistraw minn qabel. Ir-reġistrazzjoni għall-ewwel sessjoni diġà tinsab miftuħa.

Is-seminar online se jinkludi żewġ sessjonijiet: “Becoming a Missionary” nhar is-Sibt 17 ta’ Ottubru fl-10am, u “Carrying the Mission Forward” nhar is-Sibt 7 ta’ Novembru fid-9am. Is-sessjonijiet se jsiru fuq Zoom u l-link tintbagħat wara r-reġistrazzjoni. Għall-ewwel sessjoni wieħed jista’ jirreġistra fuq https://forms.gle/VAKpz4ghdPNEY5if8.

LURA GĦALL-FAĊĊATA