L-Isqfijiet joħorġu ittra pastorali għar-Randan

Għall-ittra pastorali għar-Randan ta’ din is-sena, l‑Isqfijiet ta’ Malta qed jipproponu biex bħala pajjiż u bħala Nsara, nirriflettu fuq il‑ħames doni mingħand il‑Mulej li l‑poeta nazzjonali Dun Karm Psaila jfakkarna fihom fl‑Innu Malti.

L-Arċisqof ta’ Malta Charles J. Scicluna, l-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma u l-Isqof Awżiljarju ta’ Malta Joseph Galea-Curmi saħqu li id‑dehen, il‑ħniena, is‑saħħa, l‑għaqda u s‑sliem huma temi li fuqhom għandna nikkontemplaw f’dan il-perjodu ta-Randan.

Dwar id-dehen – il‑kapaċità li wieħed jifhem, jagħraf u jiddeċiedi li jagħżel it‑tajjeb mill‑ħażin – l-Isqfijiet qalu li għanda nimxu fuq il-gwida tal-Kelma t’Alla, “li hija kelma ta’ għerf u mhux ta’ bluha; hi kelma li se tagħmillek dejjem il‑ġid.”

Il-Kelma tal-Mulej twassallna għall-għerf u “l‑għerf u l‑għaqal iwasslu wkoll biex nieħdu deċiżjonijiet li jmorru lil hinn mill‑interessi personali”.

It‑tieni don tal‑ħniena “jagħmilna nixbhu tassew lil Alla”, jgħidulna l-Isqfiejiet, għaliex “li tħenn tfisser ukoll li flok tiġġudika, tikkundanna u tkisser persuni oħra minn wara screen, tagħżel li f’kull persuna tara dik l‑umanità komuni li tagħmilna tassew aħwa”.

L-Innu Malti, miktub minn Dun Karm Psaila. Ritratt: Wikimedia Commons

Dwar id-don tas-saħħa, l-Isqfiet għamlu rifflesjoni fuq is‑saħħa spiritwali. “Bil‑mewt u l‑qawmien tiegħu, Ġesù ġabilna l‑kelma ‘salvazzjoni’, li tfisser benesseri, sigurtà, u fl‑aħħar mill‑aħħar saħħa – salus,” qalu.

“Li nieqfu, nintebħu, nisimgħu, inkellmu u nakkumpanjaw lil xi ħadd li qed ibati tista’ tassew tkun l‑ikbar għotja ta’ karità għal dan iż‑żmien tar‑Randan.”

L-Isqfiet saħħqu l-importanza tal-għaqda, li permezz tagħha nirrispettaw lil xulxin u niddeċiedu li naħdmu flimkien u niġbdu ħabel wieħed, minkejja li xi drabi ma naqblux f’kollox.

“Hekk kif il‑pajjiż qed iħejji ruħu għall‑elezzjonijiet tal‑kunsilli lokali u l‑Parlament Ewropew,” qalu l-Isqfijiet, “inħeġġu lil kull min hu involut fil‑ħajja pubblika u politika sabiex ma jibżax jagħżel it‑triq kuraġġuża tas‑smigħ umli u tad‑djalogu rispettuż.”

Dun Karm Psaila. Ritratt: Wikimedia Commons

Il‑ħames u l‑aħħar don li nsibu fl‑Innu Malti hu dak tas‑sliem, li faċli naqtgħu qalbna minnu quddiem il‑ħafna kunflitti li għaddejjin bħalissa fid-dinja.

“Għandna bżonn il‑paċi fid‑dinja, il‑paċi bejnietna, il‑paċi fil‑familji tagħna, u l‑paċi f’qalbna,” qalu l-Isqfijiet.

“Tista’ tkun l‑ikbar sinjur tad‑dinja imma jekk f’qalbek ma għandekx il‑paċi, inti bniedem fqir. Min għandu l‑paċi, ikun f’liema ċirkustanza jkun, jgħum fl‑ikbar barka tal‑Mulej.”

LURA GĦALL-FAĊĊATA