L-iskeda tal-Papa Franġisku għall-Ġimgħa Mqaddsa u l-Għid

Courtney Mares via Catholic News Agency

Il-Vatikan ħareġ l-iskeda tal-Papa Franġisku għall-Ġimgħa Mqaddsa ta’ din is-sena, li se tinkludi ħames liturġiji papali, Stazzjonijiet tas-Salib fil-Kolossew u tradizzjonijiet oħra biex jimmarkaw l-aktar ġimgħa sagra tas-sena.

L-Għid huwa l-ogħla festa fil-Knisja Kattolika, magħrufa bħala “s-solennità tas-solennitajiet,” li tiċċelebra l-qawmien ta’ Ġesù, u l-Vatikan jiċċelebra l-Ġimgħa Mqaddsa b’pompa, riverenza, tradizzjoni u skeda impenjattiva.

Il-papa ta’ 87 sena huwa skedat li jippresiedi liturġiji f’kull jum tat-Tridu tal-Għid kif ukoll f’Ħadd il-Palm.

L-Uffiċċju Stampa tas-Santa Sede ppubblika l-iskeda tal-papa fil-Ġimgħa Mqaddsa jum wara li l-Papa Franġisku żar l-isptar għal testijiet djanjostiċi. Reuters irrapportat li l-papa kellu CT scan waqt li kien l-isptar. Is-sena l-oħra, il-Papa Franġisku ħareġ mill-isptar jum qabel ma ċċelebra l-quddiesa ta’ Ħadd il-Palm.

Il-Ġimgħa Mqaddsa ta’ din is-sena tibda fl-24 ta’ Marzu b’Ħadd il-Palm u tilħaq il-qofol tagħha bl-Għid fil-31 ta’ Marzu. Din hi l-iskeda sħiħa tal-Vatikan:

Ħadd il-Palm

Il-Papa Franġisku jmexxi quddiesa ta’ Ħadd il-Palm fi Pjazza San Pietru fit-2 ta’ April 2023. Ritratt: Daniel Ibanez/CNA

Il-Ħadd, 24 ta’ Marzu, filgħodu, il-Papa Franġisku huwa skedat li jiċċelebra quddiesa għal Ħadd il-Palm, magħrufa ukoll bħala l-Kommemorazzjoni tad-Dħul tal-Mulej f’Ġerusalemm.

Il-quddiesa, li se tkun fi Pjazza San Pietru fl-10am (ħin lokali), se tibda b’purċissjoni grandjuża ta’ djakni, saċerdoti, isqfijiet, kardinali u lajċi li jġorru l-pali.

Il-purċissjoni tinkludi friegħi tas-siġar taż-żebbuġ, frondi tal-palm u pali kbar u minsuġa msejħa “parmureli,” kollha mbierka mill-Papa Franġisku.

Ħamis ix-Xirka

Papa Franġisku jaħsel u jbus saqajn 12-il żagħżugħ u żagħżugħa fiċ-ċentru ta’ detenzjoni tal-minorenni Casal del Marmo fil-periferija ta’ Ruma, waqt quddiesa nhar il-Ħamis, 6 ta’ April 2023. Ritratt: Vatican Media/CNA

Il-Papa Franġisku għandu jibda Ħamis ix-Xirka b’quddiesa fil-Bażilika ta’ San Pietru fid-9.30am fil-preżenza ta’ kardinali, isqfijiet u saċerdoti li jgħixu Ruma.

Waqt il-quddiesa, il-Papa Franġisku, bħala l-isqof ta’ Ruma, se jbierek iż-żejt tal-morda, iż-żejt tal-katekumeni, u ż-żejt tal-griżma li se jintuża fid-djoċesi matul is-sena li ġejja.

Il-Vatikan għad irid joħroġ id-dettalji ta’ fejn il-Papa Franġisku se jiċċelebra l-quddiesa ta’ Ħamis ix-Xirka din is-sena. Is-sena l-oħra, il-papa offra quddiesa fiċ-ċentru ta’ detenzjoni tal-minorenni Casal del Marmo, l-istess ċentru ta’ detenzjoni fejn offra quddiesa ta’ Ħamis ix-Xirka fl-2013 ftit wara li ġie elett bħala papa.

Il-Ġimgħa l-Kbira

l-Papa Franġisku jasal fil-Liturġija tal-Passjoni tal-Mulej fil-Bażilika ta’ San Pietru nhar il-Ġimgħa l-Kbira fis-7 ta’ April 2023. Ritratt: Daniel Ibanez/CNA

Waqt li jkompli l-liturġiji tat-Tridu, il-Papa Franġisku huwa ukoll skedat li joffri ċelebrazzjoni għall-Passjoni tal-Mulej nhar il-Ġimgħa l-Kbira fil-5pm fil-Bażilika ta’ San Pietru.

Matul din il-liturġija, li mhux se tkun quddiesa, il-Kardinal Raniero Cantalamessa, il-predikatur papali, tipikament jippriedka minflok il-papa.

Filgħaxija, il-Papa Franġisku se jmexxi d-devozzjoni ta’ Stazzjonijiet tas-Salib fid-9.15pm fil-Kolossew ta’ Ruma mdawwal bid-dawl tax-xemgħa.

Sibt il-Għid

Il-Papa Franġisku fil-quddiesa tal-Velja tal-Għid fil-Vatikan fit-8 ta’ April 2023. Ritratt: Daniel Ibanez/CNA

Nhar is-Sibt il-Għid, il-Papa Franġisku se jmexxi l-Velja tal-Għid fis-7:30pm fil-Bażilika ta’ San Pietru.

Il-Velja tal-Għid, li ssir fil-lejl tas-Sibt il-Għid, “hija l-akbar u l-aktar nobbli fost is-solennitajiet kollha,” skont il-Missal Ruman.

Il-liturġija tibda fid-dlam bit-tberik tan-nar il-ġdid u l-preparazzjoni tax-xemgħa tal-Għid. Fil-Vatikan, kardinali, isqfijiet u qassisin jimxu mill-bażilika mudlama iġorru xemgħat mixgħula biex jindikaw id-dawl ta’ Kristu ġej biex ineħħi d-dlam.

Il-Papa Franġisku ukoll tipikament jgħammed Kattoliċi ġodda f’din il-Quddiesa.

L-Għid il-Kbir

Ritratt: Pablo Esparza/CNA

Filgħodu ta’ Ħadd il-Għid, il-Papa Franġisku se jmexxi quddiesa fi Pjazza San Pietru fl-10am fuq zuntier mżejjen bil-fjuri.

Wara l-quddiesa, ser jagħti l-barka annwali tal-Għid “urbi et orbi” f’nofsinhar mill-gallarija ċentrali tal-Bażilika ta’ San Pietru.

Urbi et orbi” tfisser “għall-belt ta’ Ruma u għad-dinja” u hija barka appostolika speċjali mogħtija mill-papa kull sena f’Ħadd il-Għid, fil-Milied u f’okkażjonijiet speċjali oħra.

Fl-2023, l-awtoritajiet lokali stmaw li kien hemm qrib il-100,000 persuna preżenti fi Pjazza San Pietru għall-barka.

Traduzzjoni mħejjija minn Lara Zammit għal tbissima.mt. It-test oriġinali bl-Ingliż jappartjeni lill-Catholic News Agency

LURA GĦALL-FAĊĊATA