L-influwenza Kattolika fuq id-29 ta’ Frar  

Lara Zammit

Kull erba’ snin, ikollna dik li tissejjaħ sena biżestili (leap year bl-Ingliż), fejn jitfaċċa fil-kalendarju d-29 ta’ Frar, iżda ħafna forsi ma jirrealizzawx l-influwenza Kattolika fuq dal-jum biżestili (leap day).

Fis-sittax-il seklu, il-biċċa l-kbira tad-dinja kienet issegwi l-kalendarju Ġiljan, użat mill-Imperu Ruman u msemmi għal Ġulju Ċesri. Kien dan li beda s-sistema ta’ snin biżestili fis-sena 46 qabel Kristu, bbażat fuq il-kalendarju solari tal-Eġizzjani. Kien hemm problema waħda biss b’din is-sistema: il-kalendarju kien jikkalkola l-avvenimenti tas-sistema solari b’madwar 11-il minuta żejda kull sena, u maż-żmien dawn akkumulaw tant li d-data ma kinitx għadha taqbel sew mal-istaġuni.

Il-Papa Girgor XIII ħadem ma’ grupp ta’ matematiċi, studjużi u astronomi biex jifformula kalendarju ġdid. Ritratt: Wikimedia Commons

L-għarfien astronomiku kien avvanzat ħafna meta ġie elett il-Papa Girgor XIII, li ried jirranġa l-kalendarju biex l-Għid b’mod partikolari jaqa’ fiż-żmien xieraq. Wara tant snin tal-kalendarju Ġiljan, l-Għid kien ġej tant tard fir-rebbiegħa li ma baqax jaqa’ fiż-żmien tas-sena meta l-ewwel Insara kienu jiċċelebrawh. Tradizzjonalment, l-Għid kien iċċelebrat fl-ewwel Ħadd wara l-ekwinozju tar-rebbiegħa – prattika li ġiet stabbilita fl-325 wara Kristu mill-Konċilju ta’ Niċea.  

Il-Papa Girgor XIII ħadem ma’ grupp ta’ matematiċi, studjużi u astronomi biex jifformula kalendarju ġdid. Il-proposta li ġiet aċċettata kienet dik tat-tabib u matematiku Aloysius Lilius. Il-metematiku ġiżwita Christopher Clavius kien kkummissjonat mill-Papa Girgor XIII biex jissorvelja r-riforma tal-kalendarju.

Id-digriet Papali Inter gravissimas li nieda l-kalendarju l-ġdid. Ritratt: Wikimedia Commons

Fl-24 ta’ Frar, 1582, il-Papa Girgor XIII ħareġ id-digriet Papali Inter gravissimas, u nieda l-kalendarju l-ġdid b’għaxart ijiem eliminati kompletament biex jsolvu l-problema tal-kalendarju preċedenti. Il-kalendarju l-ġdid kien l-ewwel adottat mill-pajjiżi Kattoliċi u sar l-istandard globali madwar tliet sekli wara.

Dan il-kalendarju Gregorjan huwa dak li għadna nużaw illum. 

Forsi jkun xieraq li naraw dan il-jum mhux tas-soltu bħala opportunità biex nimmeditaw fuq id-don taż-iż-żmien u kif qed ngħaddu ż-żmien li għandna f’dil-ħajja. Iż-żmien huwa rigal għalina m’għand Alla biex ngħixuh mill-aħjar li nistgħu. Ejjew nagħtu ġieħ lil Alla u lil ħutna l-bnedmin matul iż-żmien ta’ ħajjitna u ejjew ngħixu b’kuraġġ u sustanza.

LURA GĦALL-FAĊĊATA