L-element spiritwali tal-Erbgħa tal-Irmied

Lara Zammit

L-Erbgħa tal-Irmied, li għall-Insara jimmarka Ras ir-Randan, jiftaħ l-istaġun tar-Randan eżattament 46 jum qabel l-Għid il-Kbir.

F’dan il-jum, ħafna jitilqu lejn il-parroċċi tagħhom biex jirċievu sinjal bl-irmied fuq ġbinhom waqt il-quddiesa. Dan l-irmied jinkiseb billi jinħarqu l-pali użati fiċ-ċelebrazzjoni ta’ Ħadd il-Palm tas-sena ta’ qabel.

L-irmied jissimbolizza l-mortalità tal-bniedem u jservi ta’ memento mori – sinjal li bih niftakkru li aħna ukoll xi darba se mmutu u permezz ta’ dan nirriflettu fuq ħajjitna.

F’dan l-istaġun penitenzjali tar-Randan, niftakkru ukoll fil-ħtieġa li nagħmlu rikonċiljazzjoni ma’ Alla.

Christ in the Wilderness (1872) ta’ Ivan Kramskoy. Rir-Randan, infakkru l-40 jum li qatta’ Ġesù fid-deżert. Ritratt: Wikimedia Commons

L-Erbgħa tal-Irmied hija festa liturġika antika b’għeruq bibliċi.

L-ewwel ċelebrazzjoni tagħha tmur lura għas-seklu tmienja u setgħet ġiet minn tradizzjoni preċedenti ta’ penitenti li jpoġġu l-irmied fuqhom infushom bħala tpattija għal dnubiethom.

Il-​Bibbja għandha bosta eżempji taʼ din it-​tip taʼ prattika, bħalma nsibu fil-ktieb ta’ Ġob, fejn qal, “[Jien] nindem fit-​trab u fl-​irmied” (Ġob 42:6).

Is-sitt Ħdud ta’ matul ir-Randan m’humiex ikkunsidrati bħala parti “mis-sawm tar-Randan” uffiċjali (kull nhar ta’ Ħadd huwa diġà tifkira speċjali tal-Qawmien ta’ Kristu), u allura jekk innaqqsu sitta minn 46, jifdal l-40 jum tar-Randan li bihom infakkru l-40 jum li  Ġesù qatta’ fid-deżert.

Fl-omelija tiegħu tal-Erbgħa tal-Irmied tal-1980, San Ġwanni Pawlu II qal:

“Il-konverżjoni lejn Alla hija t-triq eterna għall-ħelsien tal-bniedem… L-ewwel jum tar-Randan juri t-triq għal din il-konverżjoni fl-aktar dimensjoni sħiħa tagħha.

“L-ewwelnett, allura, dan huwa ritorn ‘għall-bidu.’ Il-Knisja tistieden lil kull wieħed u waħda minna llum biex inqiegħdu lilna nfusna quddiem il-liturġija, li tmur lura għall-bidu nett tal-istorja tal-bniedem: ‘Għax trab int, u fit-trab terġa’ tmur’ (Ġen 3:19).

Il-Papa Franġisku waqt il-quddiesa tal-Erbgħa tal-Irmied fil-Basilika ta’ Santa Sabina f’Ruma fl-14 ta’ Frar, 2018. Ritratt: Vatican Media/CNA

“Dan huwa l-kliem tal-ktieb tal-Ġenesi. Fihom insibu l-aktar espressjoni sempliċi ta’ dik ‘il-liturġija tal-mewt’ li fiha l-bniedem sar midħla permezz tad-dnub. Is-siġra tal-ħajja baqgħet barra mill-firxa tiegħu, meta, kontra r-rieda ta’ Alla, il-bniedem pprova jagħraf it-tajjeb u l-ħażin sabiex isir ‘bħal Alla’ (Ġen 3:5).

“U propju dakinhar il-bniedem sema’ dan il-kliem, li traċċa d-destin tiegħu fuq l-art: ‘Bl-għaraq ta’ ġbinek tiekol ħobżok, sakemm terġa’ lura lejn l-art, għax minnha int meħud. Għax trab int, u fit-trab terġa’ tmur’ (Ġen 3,19).”

Ir-Randan huwa żmien meta nesperjenzaw din “il-liturġija tal-mewt” – il-mewt tagħna nfusna u tar-rabtiet personali tagħna.

Meta ngħaddu minn din it-tip ta’ mewt, ningħaqdu ma’ Ġesù fuq is-salib – ngħaqdu t-tbatijiet tagħna ma’ tiegħu. B’hekk imbagħad nistgħu nieħdu sehem fil-ferħ tal-qawmien.

LURA GĦALL-FAĊĊATA