L-Arċidjoċesi ta’ Seoul fil-Korea t’Isfel tinawgura ‘l-era ta’ 1,000 qassis’

Andrés Henríquez via Catholic News Agency

L-Arċidjoċesi ta’ Seoul fil-Korea t’Isfel laħqet “ l-era ta’ 1,000 qassis ” meta ordnat 26 qassis ġdid għall-Knisja lokali fis-7 ta’ Frar. L-Arċisqof Peter Chung Soon-taick, li ppreseda ċ-ċerimonja, sejjaħ lis-saċerdoti ġodda biex iwettqu l-ministeru tagħhom “b’imħabba vera u ferħ kostanti.”

“Is-saċerdoti huma msejħin jaqdu lill-poplu ta’ Alla bħala kollaboraturi tal-isqof u magħqudin mal-isqof permezz tal-ministeru saċerdotali tagħhom,” fakkar l-Arċisqof fl-omelija tiegħu . Żied jgħid: “Ftakar li ġejt magħżul u maħtur minn fost il-​bnedmin biex twettaq ix-​xogħol t’Alla.”

Ħeġġiġhom ukoll biex “dejjem jieħdu bħala eżempju lir-Ragħaj it-Tajjeb li ġie mhux biex jiġi moqdi imma biex jaqdi, u jfittxu u jsalvaw in-nagħaġ mitlufa.” L-Arċidjoċesi ta’ Seoul laħqet it-tragward 194 sena wara l-ħolqien tagħha.

B’dawn is-26 ordinazzjoni, in-numru ta’ saċerdoti fl-aktar arċidjoċesi importanti tal-pajjiż Asjatiku, li se jospita l-Jum Dinji taż-Żgħażagħ li jmiss fl-2027, tela’ minn 974 (inkluż kardinal, arċisqof, tliet isqfijiet, u erba’ monsinjuri) għal eżattament 1,000.

B’kollox, il-Knisja Koreana għandha 5,721 saċerdot, skont l-aħħar ċifri tal-episkopat. Fl-istorja tagħha, il-Knisja lokali ordnat aktar minn 7,000 saċerdot, Sant Andrija Kim Taegon kien l-ewwel persuna li rċeviet l-ordnijiet sagri fl-1845.

Fiċ-ċerimonja tas-7 ta’ Frar, ġie ordnat ukoll it-tieni qassis Korean trux (u r-raba’ fl-Asja kollha). Fi stqarrija lill-Arċidjoċesi ta’ Seoul, Patri Kim Dong-jun qal li jrid “jaqdi l-kultura torox bil-mod ta’ Ġesù Kristu, b’sensittività u sħana lejn id-dgħajjef.”

Kim se jibda l-ewwel inkarigu pastorali tiegħu bħala assistent ragħaj tal-Parroċċa ta’ Ephatha, l-ewwel parroċċa għall-persuni neqsin mis-smigħ fl-arċidjoċesi, u se jservi wkoll bħala kappillan tal-Iskola Aehwa f’Seoul.

Traduzzjoni mħejjija u adattata minn Lara Zammit għal tbissima.mt. It-test oriġinali bl-Ingliż jappartjeni lill-Catholic News Agency.

Ritratt: Is-26 qassis ġdid tal-Arċidjoċesi ta’ Seoul jagħtu l-ewwel barka tagħhom wara ċ-ċerimonja tal-ordinazzjoni fis-7 ta’ Frar 2025. Kreditu: Arċidjoċesi ta’ Seoul. Ritratt via Castholic News Agency Access for Editors

LURA GĦALL-FAĊĊATA