Lara Zammit
Hemm “ġawhra moħbija” fl-akwati ta’ Firenze, l-Italija, li tinsab barra mill-mogħdijiet li fihom jgħammru l-bosta turisti li jżuru l-belt ta’ kuljum. Il-Kunvent ta’ San Marco, eks-kunvent tad-Dumnikani li sar mużew ta’ 600 sena, fih uħud mill-akbar xogħlijiet tar-Rinaxximent mill-artist Taljan Fra Angelico.
Imwieled madwar l-1400 bħala Guido di Pietro, l-artist sar patri Dumnikan, u kien imfakkar ftit wara mewtu bħala Fra Angelico.
Fl-1436, meta Fra Angelico mar jgħix fil-kunvent ta’ San Marco f’Firenze, li kien għadu kif inbena, ġie kkummissjonat mill-patrun tal-kunvent, Cosimo de’ Medici (li kellu ċ-ċella personali hemmekk għal meta jmur jagħmel irtir), biex iżejjen il-kunvent, li kien post ta’ qima u spazju għall-għajxien għall-patrijiet. Ix-xogħlijiet famużi u ta’ spiss riprodotti tiegħu li pinġa fil-kmamar pubbliċi tal-kunvent, bħall-altar ta’ San Mark u l-Lunzjata, kienu ammirati ħafna u qalgħulu kummissjonijiet mill-Vatikan.
Uħud mill-isbaħ xogħlijiet tal-arti tiegħu, madankollu, qatt ma kienu maħsuba biex jidhru fil-pubbliku. Fra Angelico pinġa affreski fiċ-ċelel tal-kunvent għal sħabu l-patrijiet li, fis-solitudni tagħhom, użawhom bħala għajnuna għat-talb u l-meditazzjoni. L-istoriċi tal-arti skoprew li Fra Angelico ta’ sehem f’mill-inqas 20 ċella fl-affreski tal-kunvent, inklużi r-rappreżentazzjonijiet partikolarment notevoli tal-Qawmien, l-Inkurunazzjoni tal-Verġni, u l-Lunzjata.