Stqarrija għall-istampa
It-Trio DESTE se jingħaqad biex jagħti kunċert mużikali għal kawża ġusta. Kull min se jattendi se jkollu ċ-ċans japprezza għażla mill-isbaħ ta’ ‘musica da camera’, f’teatru tassew uniku.
It-trio hu magħmul minn Stephanie Quintano (pjanu), Stefan Calleja (vjolin) u Desiree Calleja (cello).

Dan il-kunċert hu organizzat biex jinġabru fondi għall-kawża tal-beatifikazzjoni ta’ Henry u Inez Casolani, koppja li għexet ħajja ta’ fidi, servizz u mħabba lejn Alla u l-proxxmu. Hekk kif il-proċess tal-beatifikazzjoni issa għadda f’idejn Ruma, dan l-avveniment jagħti l-opportunità lill-pubbliku biex jappoġġja din il-kawża spiritwali.

Min kienu Henry u Inez Casolani?
Henry u Inez Casolani żżewġu fl-1944. Huma għexu l-ħajja miżżewga ta’ kuljum b’mod straordinarjament tajjeb. Fid-dettall ta’ ħajjithom ipprovaw jagħmlu kollox b’imħabba kbira lejn Alla u l-proxxmu.
Kmieni fil-ħajja tagħhom huma għamlu deċiżjoni fundamentali favur is-sewwa. Bil-grazzja ta’ Alla din id-deciżjoni għenithom biex għexu l-virtujiet Insara b’mod eżemplari u fil-mixja tal-ħajja ta’ kuljum kienu mberkin minn Alla.
Henry u Inez kellhom ħafna tiġrib fil-ħajja. Minkejja s-soffferenzi emottiva umana, huma bierku lill-unika binthom Cecilia Mary li daħlet soru. Henry kellu fejqan straordinarju mir-retinopatija djabetika bl-intercessjoni tal-Beata Sr Maria Adeodata Pisani u Inez fieqet minn deni qawwi permezz ta’ relikwija ta’ San Ġorg Preca. Inez mietet fl-1992 u Henry fl-1999.
Il-kunċert se jsir fl-20 ta’ Ġunju 2025 fis-7:30pm fit-Teatru Salesjan f’Tas-Sliema. Il-biljetti jinxtraw minn hawn.
Ritratt: Archdiocese of Malta