Korsijiet ġodda mill-Akkademja tal-Mużika Sagra

Stqarrija għall-istampa

L-Akkademja tal-Mużika Sagra Francesco Azopardi tal-Arċidjoċesi ta’ Malta qed toffri għadd ta’ korsijiet bil-għan li japprofondixxu l-ħiliet u l-għarfien tal-persuni involuti fil-ministeru tal-mużika fi ħdan il-Knisja.

Il-korsijiet għas-sena akkademika 2024-2025 jinkludu Animazzjoni tal-Mużika Liturġika, imfassal għal dawk li bħalissa huma involuti jew qed jaspiraw li jipparteċipaw fl-animazzjoni liturġika (jibda f’Novembru 2024); L-Orgni fil-Liturġija, maħsub għall-organisti li diġà qed iservu jew jippjanaw li jservu fil-parroċċi u li jixtiequ jsaħħu l-għarfien tagħhom dwar il-ministeru tal-organisti (jibda fi Frar 2025);  il-programm ta’ kitba ta’ kanzunetti Nsara Ħarbex (jibda fi Frar 2025); u Kant waqt  il-Liturġija għas-saċerdoti (jibda f’Mejju 2025). Il-korsijiet huma offruti b’kollaborazzjoni mal-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali.

Minn Frar 2025, l-Akkademja se tintroduċi wkoll il-kors intensiv Kant Korali għal-Liturġija mmirat għat-tfal bejn is-7 u l-14-il sena. Dan il-programm se jwassal għal Ċertifikat tal-livell 3 tal-VET akkreditat mill-Malta Further & Higher Education Authority, li jipprepara parteċipanti żgħażagħ biex ikantaw f’kor liturġiku permezz ta’ sessjonijiet fil-prattika tal-kor, lezzjonijiet vokali, u teorija tal-mużika.

Barra minn hekk, l-Akkademja tikkollabora ma’ istituzzjonijiet internazzjonali rinomati fil-qasam tal-mużika korali sagra bħall-Cappella Musicale del Duomo di Milano – l-eqdem kor tal-katidral tal-Ewropa – u Accademia AERCO (Associazione Emiliano-Romagnola Cori) li tiġbor fiha 246 kor assoċjat mir-reġjun kollu tal-Emilia-Romagna fl-Italja.

Imnedija dan l-aħħar, l-Akkademja għandha l-għan li tipprovdi taħriġ professjonali u ta’ kwalità fil-ministeru tal-mużika, opportunitajiet għall-istudenti biex jingħaqdu mal-korijiet u l-mużiċisti tal-Katidral Metropolitan ta’ Malta, u li tittrasmetti u ssaħħaħ il-fidi Kattolika permezz tal-mużika sagra. L-Akkademja ssemmiet għall-kompożitur u pedagogu Malti Francesco Azopardi (1748-1809), li wara li studja f’Napli, serva bħala maestro di cappella fil-Katidral tal-Imdina u fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta. Kien minn tal-ewwel li poġġa lil Malta fuq il-mappa mużikali internazzjonali permezz tat-trattat mużikali tiegħu Il musico pratico.

Applikanti interessati jistgħu jsibu aktar tagħrif minn www.asm.mt.

LURA GĦALL-FAĊĊATA