L-isqof Għawdxi jirrakkonta kif hu u madwar 50 isqof akkumpanjaw lill-Papa għal erbat ijiem, waqt żjara li ħalliet lill-Konferenza Episkopali Peruvjana b’sejħa għal aktar komunjoni u fraternità.
“Konna d-dell tiegħu.” Hekk Mons. Giovanni Cefai, M.S.S.P., jiddeskrivi l-erbat ijiem li matulhom hu u madwar 50 isqof segwew mill-qrib lill-Papa Ljun XIV fil-Perù. Għal Cefai, li hu miż-Żebbuġ, Għawdex, u ilu mill-2019 imexxi l-Prelatura Territorjali ta’ Santiago Apóstol de Huancané, dawk il-jiem kienu “esperjenza divina fuq l-art”.
“Intom ħuti”
Fit-12 ta’ Novembru, fil-kappella tar-residenza tal-Arċisqof f’Lima, il-Papa ltaqa’ mal-isqfijiet tal-Perù. Laqgħu Mons. Carlos Enrique García Camader, Isqof ta’ Lurín u president tal-Konferenza Episkopali Peruvjana. Cefai jiġbor il-mod kif il-Papa kellimhom fi tliet kelmiet: “Intom ħuti.” Ljun XIV fakkarhom li fl-2018 kien bilqiegħda fosthom fl-istess kappella, meta l-Papa Franġisku kien ħeġġiġhom jaħdmu għall-għaqda. Din id-darba, kien hu li talabhom isaħħu l-fiduċja bejniethom, jaqsmu d-diffikultajiet u jaħdmu flimkien bejn djoċesi u oħra.
F’intervista ma’ Vatican News wara ż-żjara, García Camader qal li l-mod kif il-Papa sejħilhom ħutu naqqas id-distanza bejniethom. Għall-president tal-Konferenza, is-sejħa għall-fraternità tfisser li l-isqfijiet jgħinu lil xulxin fil-ħidma pastorali u li l-Konferenza tagħti widen lil min iħoss li leħnu ma jinstemax. Fid-diskors tiegħu, il-Papa talab lill-isqfijiet jidħlu fid-djar tan-nies, jakkumpanjaw lill-morda, jiltaqgħu maż-żgħażagħ u jfittxu lill-komunitajiet li jgħixu ’l bogħod jew li ftit għandhom min jismagħhom.
Missjunarju li reġa’ lura d-dar
Cefai jiddeskrivi lil Ljun XIV bħala Papa umli, mimli mħabba, qaddis u profondament uman. Fih jara “bniedem qaddis” li jgħix l-ispirtu missjunarju fil-mod kif jersaq lejn in-nies. Ix-xebh li jara ma’ San Toribio de Mogrovejo jinsab f’din il-qrubija. Il-Papa nnifsu ppreżenta lil San Toribio lill-isqfijiet bħala mudell ta’ ragħaj li jfittex lin-nies u jersaq lejhom fil-ħtiġijiet tagħhom.
Għal Cefai, meta Ljun XIV ġie l-Perù, ġie lura d-dar. Robert Prevost kien qatta’ aktar minn għoxrin sena jaqdi lill-Knisja fil-pajjiż, fejn serva wkoll bħala Isqof ta’ Chiclayo u kiseb iċ-ċittadinanza Peruvjana fl-2015. Cefai jitkellem dwar il-miljuni ta’ nies li, skont ir-rakkont tiegħu, ħarġu jilqgħuh matul iż-żjara. F’Lima biss, skont l-aġenzija tal-aħbarijiet EFE, madwar 60,000 żagħżugħ u żagħżugħa nġabru fl-Istadium Nazzjonali għal velja ta’ talb, fejn il-Papa sejħilhom sinjal ta’ tama għall-pajjiż.
Għall-isqof ta’ Huancané, il-laqgħa mal-Papa tat spinta ġdida lill-ħidma tiegħu bħala ragħaj. Kif jgħid hu stess, kienet “esperjenza li mlietni b’enerġija ġdida”.
Araw l-intervista sħieħa għawnhekk: https://tbissima.mt/episode/4429