Konferenza ta’ ħamest ijiem tiżvolġi fil-Vatikan

Madwar elf saċerdot minn sittin pajjiż minn madwar id-dinja nġabru f’Ruma għal konferenza dwar il-formazzjoni klerikali.

It-tema tal-laqgħa, li qed issir bejn is-6 u l-10 ta’ Frar hi ‘Tqajjem fikom id-don ta’ Alla li jinsab fikom’, hi mmirata biex tistudja l-modi kif is-saċerdoti jiġu ffurmati għall-ministeru.

Din ġiet organizzata mid-Dikasterji tal-Vatikan għall-Kleru, l-Evanġelizzazzjoni, u l-Knejjes tal-Lvant.

Il-konferenza internazzjonali, immirata lejn koordinaturi djoċesani, reġjonali u nazzjonali għall-formazzjoni saċerdotali, kif ukoll dawk interessati fil-qasam, għandha l-għan li tagħti bidu għal proċess ta’ kollaborazzjoni mal-Knejjes lokali madwar id-dinja.

Il-konferenza ħadet bħala l-punt tat-tluq stħarriġ mibgħut lill-Konferenzi Episkopali kollha fl-aħħar xhur, u l-kontribuzzjonijiet li għamlu l-parteċipanti qabel u matul il-konferenza.

Is-saċerdoti m’għandhomx jaħsbu li
l-formazzjoni tagħhom, ladarba ġew ordnati, spiċċat

Il-Kardinal Lazarus You Heung-sik, Prefett tad-Dikasteru għall-Kleru, nnota, li llum, ħafna qassisin huma “għajjiena u skuraġġiti, jinqabdu mhux ippreparati mill-isfidi tas-soċjetà tal-lum u mill-piżijiet li qed iġorru.”

Għalhekk, saħaq li s-saċerdoti għandhom jingħataw l-appoġġ u l-akkumpanjament meħtieġ, u b’hekk hemm il-ħtieġa ta’ formazzjoni kontinwa li qed titressaq aktar dejjem fuq quddiem.

Il-Kardinal Tagle, Prefett tad-Dikasteru għall-Evanġelizzazzjoni, offra wkoll ftit kliem qabel ma bdew il-proċeduri. Saħaq li l-ewwel, is-saċerdoti m’għandhomx jaħsbu li l-formazzjoni tagħhom, ladarba ġew ordnati, spiċċat.

Pjottost, qal, huwa preċiżament “għax aħna ordnati għas-servizz ta’ Alla u tal-Knisja li għandna bżonn niġu ffurmati kontinwament.

Lara Zammit – tbissima.mt

LURA GĦALL-FAĊĊATA