Kif quddiesa bix-xemgħa tiġbor mijiet ta’ żgħażagħ kull ġimgħa fi Franza

Solène Tadié via Catholic News Agency

Kull nhar ta’ Tlieta filgħaxija fl-10pm, bejn 800 u 900 student jiltaqgħu fil-kappella storika ta’ San Ġużepp fl-Università Kattolika ta’ Lille fi Franza għal quddiesa għad-dawl tax-xemgħa.

Dan in-numru ilu jikber xahar wara xahar minn mindu tnediet l-inizjattiva fl-2016.

Għall-inizjaturi tagħha, dan is-suċċess mhux mistenni huwa mudell universali li għandu jiġi esportat biex imiss l-erwieħ tan-numru kbir ta’ żgħażagħ li għandhom għatx għall-internità f’dinja dejjem aktar kaotika.

Tabilħaqq, kif kien jgħid San Franġisk de Sales dwar il-quddiesa għad-dawl tax-xemgħa ta’ Lille, “it-tajjeb ma jagħmilx storbju”.

Kull nhar ta’ Tlieta filgħaxija fl-10pm, bejn 800 u 900 student jikkonverġu fil-Kappella storika ta’ San Ġużepp fl-Università Kattolika ta’ Lille għal Quddiesa bid-dawl tax-xemgħa. Ritratt: Korteżija ta’ Prudence Cuypers

‘Sempliċità tas-sbuħija’

Imnedija fuq inizjattiva ta’ grupp ta’ sitt studenti f’kappella żgħira f’idejn l-università prestiġjuża ta’ Lille (l-akbar università privata ta’ Franza mingħajr skop ta’ qligħ, magħrufa ukoll bħala “La Catho”), il-quddiesa għad-dawl tax-xemgħa malajr qabżet it-300 parteċipant. L-organizzaturi kellhom isibu kappella ikbar biex ikomplu jilqgħu l-fluss dejjem jikber ta’ studenti, kemm jekk jemmnu jew sempliċiment kurjużi.

Għal dan il-għan, fl-2019, ġiet irrestawrata l-kappella kbira ta’ San Ġużepp li tmiss mal-università, li din is-sena ċċelebrat il-100 anniversarju tagħha u li kienet ilha tintuża bħala kamra għall-istudenti biex jagħmlu l-eżamijiet. Is-sena ta’ wara, il-kapaċità tal-bini ta’ madwar 600 siġġu ntlaħqet fil-quddiesa, u l-istudenti sabu li kellhom jaslu kmieni biex jevitaw li joqogħdu bilwieqfa jew bilqiegħda mal-art.

Matul ir-Randan ta’ din is-sena, is-servizz tas-sigurtà kellu jwarrab mijiet ta’ fidili peress li r-regolamenti attwali jipprojbixxu l-akkoljenza ta’ aktar minn 900 persuna fil-bini.

Kif tispjega ruħha din x-xenqa għal quddiesa f’nofs il-ġimgħa meta qed naraw l-knejjes tal-Ewropa jitbattlu b’rata inkwetanti?

Filwaqt li movimenti tradizzjonalisti u kariżmatiċi fi ħdan il-Knisja kellhom kapaċità rari li jiġbru l-folol fi Franza f’dawn l-aħħar snin, kif muri mis-suċċess inkredibbli tal-pellegrinaġġi għal Chartres u Paray-le-Monial, din il-quddiesa f’Lille ma tagħmel ebda pretensjoni għal xi identità partikolari minbarra rabta mas-sbuħija tal-liturġija u l-kwalità tal-predikaturi tagħha.

Il-kant ta’ din il-quddiesa normalment jitkanta minn kor polifoniku, li l-parteċipanti jfaħħru għall-profondità u l-mużikalità tiegħu.

“Fi ħdan id-diversi movimenti li qed jiżviluppaw fil-Knisja llum, naħseb li l-aktar ħaġa li tiġbed liż-żgħażagħ hija s-sempliċità tas-sbuħija,” qalet Joséphine Auberger, studenta f’La Catho.

Żiedet tgħid: “Għandi ħabib li s-soltu jattendi biss il-Quddiesa Tradizzjonali bil-Latin preċiżament minħabba t-tfittxija tiegħu għas-sbuħija. Jgħid li jsib lilu nniffsu kompletament f’din iċ-ċelebrazzjoni, u naħseb li mhux waħdu.”

Żgħażagħ Kattoliċi jkantaw flimkien fid-dawl tax-xemgħa fil-quddiesa. Ritratt kortesija ta’ Prudence Cuypers

Ankra f’dinja li qed tinbidel

Imqiegħda l-aktar qalb il-kor u l-korsija ċentrali, biex Kristu biss fuq il-kurċifiss ikun imdawwal, ix-xemgħat qegħdin hemm biex jgħinu liż-żgħażagħ parteċipanti jgħollu ħarsthom lejn is-sema f’qalb awtentika ma’ Alla.

“Kollox hu ffukat fuq il-Kelma ta’ Alla, tal-Knisja tiegħu, li tmur ħafna lil hinn minn dak li kapaċi joħolqu l-bnedmin, u li hija parti minn storja twila u tradizzjoni li tmur lura ħafna, li toffri ankra soda għal kulħadd, inkluż dawk li qed jaħsbu dwar il-futur tagħhom u jħossu li qed jgħixu f’dinja li tinbidel ħafna, likwida ħafna u mimlija inċertezzi,” qal Patri Charles-Marie Rigail, kappillan fil-università Kattolika.

Din il-missjoni evanġelizzanti tissaħħaħ tul il-kumplament tal-ġimgħa minn diversi attivitajiet mit-tmien żgħażagħ membri tal-uffiċċju tal-kappillanja u l-ħafna voluntiera li jassistuhom.

Il-missjoni aħħarija ta’ din l-inizjattiva, kif fakkar Rigail, mhijiex li jbiddlu lil dawk li jersqu lejha “f’konsumaturi ta’ liturġija sabiħa” iżda pjuttost f’Kattoliċi li kapaċi jkunu atturi tal-fidi tagħhom stess u jesportaw dan il-mudell lil hinn mill-università ladarba jitilqu minn hemm.

“Inkunu qed nitilfu l-punt jekk, malli jaslu fil-parroċċi lokali tagħhom, dawn iż-żgħażagħ jaqtgħu qalbhom minn ċelebrazzjonijiet ferm inqas impenjattivi u jiddeċiedu li jivvjaġġaw 50 kilometru biex isibu liturġija li tixraqilhom,” temm jgħid.

“Anzi, l-għan tagħna hu li nżidu l-apprezzament tagħhom lejn il-liturġija sal-punt li nħeġġuhom ixammru l-kmiem u jinvolvu ruħhom aktar fil-parroċċi tagħhom biex isaħħu s-sbuħija taċ-ċelebrazzjonijiet u b’hekk jirriproduċu lokalment il-miraklu ċkejken ta’ Lille.”

Traduzzjoni mħejjija u adattata minn Lara Zammit għal tbissima.mt. It-test oriġinali bl-Ingliż jappartjeni lill-Catholic News Agency.

LURA GĦALL-FAĊĊATA