Kif għandha tkun omelija waqt ir-Randan? Alla qal lil dan il-qaddis

Abel Camasca via Catholic News Agency

Storja ftit li xejn magħrufa fl-annali tal-Knisja hi li Alla ta pariri lil Sant’Anġlu d’Acri (1669–1739), imwieled f’belt żgħira fin-Nofsinhar tal-Italja, dwar kif għandhom ikunu l-omeliji fiż-żmien liturġiku tar-Randan. Filwaqt li aġixxa fuq dak il-parir, il-qaddis ippakkja knejjes bil-fidili u kiseb ħafna konverżjonijiet.

Il-ktieb “Lives of the Saints” ta’ Patri Alban Butler jirrakkonta kif Sant’Anġlu ried ikun Franġiskan Kapuċċin, iżda telaq mill-komunità f’żewġ okkażjonijiet għax ma felaħx l-esiġensi ta’ ħajja reliġjuża. It-tielet darba li pprova, baqa’ u ġie ordnat saċerdot. Jingħad li fl-ewwel Quddiesa tiegħu ġie ttrasportat f’estasi.

Is-superjuri tiegħu tawh l-inkarigu li jagħti l-priedki matul ir-Randan. Il-qaddis ipprepara ruħu b’attenzjoni kbira, imma meta tela’ fuq il-pulptu l-memorja tiegħu naqset u ma kienx jaf x’se jgħid. Kien skoraġġut ħafna u reġa’ dipress ħafna fil-kunvent tiegħu qabel ma spiċċa r-Randan.

Ritratt: santoangeloacri.it/Santo_Angelo.asp

Ġurnata fost l-oħrajn, waqt li kien qed jirrifletti dwar il-falliment tiegħu, talab lil Alla jgħinu. Imbagħad semaʼ leħen divin li qallu: “Tibżax. Jiena nagħtik id-don tal-predikazzjoni.” Il-qaddis, mistagħġeb, staqsa lill-leħen min kien u l-leħen wieġeb: “Jien li jien”.

Xi ħaġa simili ġrat lil Mosè meta Alla talbu jeħles lill-​poplu tiegħu mill-​jasar tal-​Eġittu. Is-silta tat-Testment il-Qadim tirrelata: “Alla qal lil Mosè, ‘Jien li jien’. Imbagħad il-Mulej żied jgħid: ‘Hekk se tkellmu lill-Iżraelin: “Jien” bgħatni għandkom” (Eż 3:14).

Hekk kif komplew l-esperjenzi mistiċi ta’ Sant’Anġlu, tgħid l-istorja, il-leħen divin tah iċ-ċavetta li ġejja għall-omeliji tiegħu: “Minn issa ’l quddiem, ippriedka sempliċiment, bħallikieku qed titkellem, biex kulħadd jifhimkom.” Għalhekk il-qassis ma baqax jikkonsulta l-kotba tiegħu dwar l-oratorju u r-retorika u beda jħejji l-priedki tiegħu bil-Bibbja u quddiem kurċifiss.

Ftit ftit kiseb ħafna suċċessi fil-belt, iżda ma kiseb l-istess riżultati man-nobbli u l-għonja. Kardinal talbu jippriedka waqt ir-Randan f’Napli, l-Italja, u l-omelija sempliċi tas-saċerdot ġiet ridikolata u miċħuda mill-għonja. Għal jumejn il-knisja kienet kważi vojta.

Il-qassis tal-lokal ma riedx li l-qaddis ikompli jipprietka, iżda l-kardinal ma tax kas. Dan ħoloq skandlu u ġiegħel lin-nobbli — li ​​kienu wkoll gossipy ħafna — imorru l-knisja biex jaraw ir-riżultat. Iżda kienu sorpriżi bla mistenni.

Fi knisja ppakkjata bil-fidili, il-qaddis talab fi tmiem il-priedka tiegħu li jitolbu għal persuna li kienet preżenti hemmhekk u li kienet se tmut. Intemmet il-Quddiesa u hekk kif in-nies telqu jgergru dwar dik it-talba, avukat li kien iqarraq bil-qassis waqa’ mejjet mal-art. Kulħadd stagħġeb u nfirxet ir-reputazzjoni tal-qassis għall-qdusija.

Il-knejjes fejn Sant Anġlu mar jipprietka kienu dejjem mimlija, u kiseb ħafna konverżjonijiet. Huwa wettaq fejqan mirakoluż, kellu d-don tal-bilokazzjoni, setaʼ jaqra ħsibijiet, u bassar il-futur. Jum il-festa tiegħu huwa t-30 ta’ Ottubru.

Traduzzjoni mħejjija u adattata minn Lara Zammit għal tbissima.mt. It-test oriġinali bl-Ingliż jappartjeni lill-Catholic News Agency.

LURA GĦALL-FAĊĊATA