Jum il-Missier: iltaqa’ mal-missirijiet wara l-erba’ papiet l-aktar riċenti

Francesca Pollio Fenton via Catholic News Agency

L-aħħar erba’ papiet tal-Knisja Kattolika — Ġwanni Pawlu II, Benedittu XVI, Franġisku, u l-Papa l-ġdid tagħna, Ljun XIV — kellhom missirijiet ħabrieka li nebbħu f’kull wieħed minn uliedhom karatteristiċi u valuri importanti, li ħafna minnhom jistgħu jidhru fil-mod kif għexu s-saċerdozju tagħhom u wettqu l-papati tagħhom.

F’Jum il-Missier, nagħtu ħarsa lejn il-missirijiet tal-aħħar erba’ papiet tal-Knisja:

Missier il-Papa Leo XIV: Louis Marius Prevost

Louis Marius Prevost twieled f’Chicago fit-28 ta’ Lulju 1920, u kien ta’ dixxendenza Taljana u Franċiża. Ftit wara li ggradwa mill-kulleġġ, serva fin-Navy matul it-Tieni Gwerra Dinjija u f’Novembru 1943 sar l-uffiċjal eżekuttiv ta’ vapur tal-iżbark tat-tankijiet. Prevost ipparteċipa wkoll fl-iżbark ta’ Jum D fin-Normandija fis-6 ta’ Ġunju 1944, bħala parti mill-Operazzjoni Overlord. Huwa qatta’ 15-il xahar barra minn Malta u kiseb il-grad ta’ tenent junior grade qabel ma l-gwerra finalment intemmet. 

Wara li ġie lura d-dar, Prevost sar is-supretendent tad-Distrett Skolastiku 167 ta’ Brookwood, distrett skolastiku elementari fi Glenwood, Illinois. Fl-1949 iżżewweġ lil Mildred Agnes Martinez, persuna oħra minn Chicago u librara tal-iskola. Prevost miet fit-8 ta’ Novembru 1997, fl-età ta’ 77 sena minn kanċer tal-kolon u mard aterosklerotiku tal-qalb.  

Skont in-New York Times , f’intervista tal-2024 fuq it-televiżjoni Taljana, il-futur Papa ftakar żmien fejn fetaħ qalbh ma’ missieru dwar li telaq mis-seminarju junior li kien jattendi biex jiżżewweġ u jkollu familja. 

“Forsi jkun aħjar li nitlaq minn din il-ħajja u niżżewweġ; irrid li jkolli t-tfal, ħajja normali,” ftakar il-Kardinal Prevost ta’ dak iż-żmien li qal lil missieru dak iż-żmien.

Missieru wieġeb billi qallu li “l-intimità bejnu u bejn ommi” kienet importanti, iżda hekk ukoll kienet l-intimità bejn saċerdot u l-imħabba ta’ Alla.

“Hemm xi ħaġa x’tisma’ hawn,” ftakar li ħaseb il-Papa futur.

Missier il-Papa Franġisku: Mario Jose Bergoglio

Mario Jose Bergoglio twieled fit-2 ta’ April 1908, f’Turin, l-Italja. Fl-1929, hu u l-familja tiegħu emigraw mill-Italja lejn l-Arġentina biex jaħarbu mill-ħakma faxista ta’ Benito Mussolini. Fl-Arġentina, ħadem bħala accountant u kien impjegat mal-ferroviji Arġentini, pożizzjoni stabbli u rispettata dak iż-żmien. Huwa żżewweġ lil Regina María Sívori fl-1935 u kellhom ħamest itfal — l-akbar wieħed kien il-futur Papa Franġisku. Mario Jose Bergoglio miet fl-età ta’ 51 sena fl-1959. 

Ritratt tal-familja tal-Papa Franġisku.

Il-familja Bergoglio kienet tgħix f’żona tal-klassi tal-ħaddiema f’Buenos Aires fejn ix-xogħol ta’ Bergoglio bla dubju sawwar il-perspettiva tiegħu dwar il-paternità u l-ħajja tal-familja. Għalkemm il-mejjet Papa ma qalx ħafna pubblikament dwar ir-relazzjoni tiegħu ma’ missieru stess, spiss kien jitkellem dwar l-importanza tal-missirijiet u l-ħtieġa li jkunu preżenti fil-ħajja ta’ wliedhom, fejn ħeġġiġhom biex ikunu paċenzjużi u jaħfru u biex jikkoreġu lil uliedhom mingħajr ma jumiljawhom. Franġisku spiss semma lil San Ġużepp bħala mudell għall-missirijiet kollha.

Missier il-Papa Benedittu XVI: Joseph Ratzinger Sr. 

Joseph Ratzinger Sr. twieled fis-6 ta’ Marzu 1877, f’Winzer, il-Ġermanja. Mill-1902 ’l quddiem, ħadem bħala pulizija. Fl-1920, fl-età ta’ 43 sena, iżżewweġ lil Maria Peintner. Joseph Alois Ratzinger, li kiber biex sar il-Papa Benedittu XVI, kien it-tielet u l-iżgħar tifel fil-familja.

Ritratt tal-familja tal-Papa Benedittu XVI.

Ratzinger Sr. kien Kattoliku devot u oppona bil-qawwa r-reġim Nażista. Spiss irrifjuta li jobdi l-ordnijiet tagħhom li jippersegwita lill-avversarji u b’riżultat ta’ dan kien jiġi ffastidjat mill-ġerarkija Nażista. Sabiex jevita sanzjonijiet, kellu jibdel il-kariga ta’ spiss. Fil-25 ta’ Awwissu 1959, miet fl-età ta’ 82 sena.

Waqt il- Laqgħa Dinjija tal-Familji fl-2012, il-Papa Benedittu tkellem dwar memorji li kellu ta’ missieru u familtu waqt li kienu qed jikbru.

“L-aktar mument importanti għall-familja tagħna kien dejjem il-Ħadd, imma l-Ħadd fil-verità kien jibda s-Sibt wara nofsinhar,” fakkar. “Missieri kien jaqra l-qari tal-Ħadd minn ktieb li kien popolari ħafna fil-Ġermanja dak iż-żmien, li kien jinkludi wkoll spjegazzjonijiet tat-testi. Hekk konna nibdew il-Ħadd tagħna, nidħlu fil-liturġija f’atmosfera ta’ ferħ.” 

Missier il-Papa Ġwanni Pawlu II: Karol Wojtyla Sr. 

Karol Wojtyla Sr. twieled fit-18 ta’ Lulju 1879, f’Bielsko-Biała, il-Polonja. Kien sart bix-xogħol iżda fl-1900 ġie msejjaħ għall-Armata Astro-Ungeriża fejn qatta’ total ta’ 28 sena. Wara li l-Polonja reġgħet kisbet l-indipendenza tagħha, ġie ammess fl-Armata Pollakka fejn serva bħala tenent sakemm irtira fl-1928. 

Ritratt tal-familja tal-Papa San Ġwanni Pawlu II.

Wojtyla Sr. iżżewweġ lil Emilia Kaczorowska u flimkien kellhom tlett itfal — Edmund, Olga (li mietet fit-tfulija), u Karol, li aktar tard sar il-Papa Ġwanni Pawlu II. Fl-1929, Emilia mietet minħabba problemi fil-qalb u fil-kliewi u tliet snin wara Edmund miet bl-iskarlatina. Dan ħalla lil Wojtyla Sr. jieħu ħsieb ibnu Karol waħdu. Fl-1938, hu u Karol marru joqogħdu Krakovja sabiex it-tifel ikun jista’ jattendi l-Università Jagiellonjana. Wojtyla Sr. miet fit-18 ta’ Frar, 1941, fl-età ta’ 61 sena.

Il-Papa Ġwanni Pawlu II spiss tkellem dwar il-fidi ta’ missieru u kif din ispirat il-vokazzjoni tiegħu għas-saċerdozju. 

Il-Papa Pollakk darba qal dwar missieru: “Jum wara jum stajt nosserva l-mod awster li bih għex. Kien suldat bħala professjoni u, wara l-mewt ta’ ommi, ħajtu saret waħda ta’ talb kostanti. Kultant kont inqum billejl u nsib lil missieri għarkupptejh, l-istess kif kont dejjem narah għarkupptejh fil-knisja parrokkjali. Qatt ma tkellimna dwar vokazzjoni għas-saċerdozju, iżda l-eżempju tiegħu kien b’xi mod l-ewwel seminarju tiegħi, tip ta’ seminarju domestiku.”

LURA GĦALL-FAĊĊATA