Jibda r-restawr tal-baldakkin ta’ Bernini fil-Bażilika ta’ San Pietru

Courtney Mares via Catholic News Agency

Beda xogħol ta’ restawr fuq il-baldakkin ta’ fuq l-artal maġġur tal-Bażilika ta’ San Pietru, il-Vatikan, fuq disinn ta’ Gian Lorenzo Bernini.

Il-ħaddiema se jitilgħu kuljum fuq il-baldakin għoli 28 metru biex inaddfu bir-reqqa t-trab u l-ħmieġ li dallam il-baldakkin matul is-sekli.

Ħaddiema fuq il-baldakkin fil-Bażilika ta’ San Pietru. Ritratt: Daniel Ibanez

Il-kolonni tal-bronż li jduru mal-artal il-kbir ta’ 400 sena se jibqgħu mgħottija sakemm ix-xogħlijiet jitlestew f’Diċembru meta tibda s-sena tal-ġublew tal-Knisja Kattolika.

Il-Kardinal Mauro Gambetti, l-arċipriet tal-Bażilika ta’ San Pietru, qal li l-armar ġie mtella’ b’mod li jippermetti li l-liturġiji papali – inklużi l-liturġiji tal-Ġimgħa Mqaddsa ta’ din is-sena – jibqgħu jsiru fil-bażilika fost ix-xogħol ta’ restawr.

Dettall tal-baldakkin fil-Bażilika ta’ San Pietru qabel ir-restawr tiegħu. Ritratt: Elizabeth Alva/EWTN

Il-Papa Urbanu VIII inkariga lil Bernini fl-1624 biex jiddisinja u jibni l-baldakkin enormi fuq l-Artal Papali tal-Qrar, li jinsab direttament fuq il-qabar ta’ San Pietru Appostlu.

Imżejjen b’mod kumpless b’anġli, kerubini, naħal u friegħi tar-rand indurati, il-baldakkin ħa lil Bernini disa’ snin biex joħoldu b’għajnuna konsiderevoli mir-rivali arkitettoniku tiegħu, Francesco Borromini.

Naħal stilizzati b’mod ornamentali u friegħi tar-rand fuq il-baldakkin. Ritratt: Elizabeth Alva/EWTN

Wara li żar il-Bażilika ta’ San Pietru fl-1873, ir-rumanzier Henry James iddeskriva l-laqgħa tiegħu mal-baldakkin: “Għandek biss timxi u timxi u tħares u tħares; biex tara l-artal glorjuż jerfa’ l-arkitettura tal-bronż tiegħu, il-kontorsjonijiet kolossali tiegħu irrakkmati, bħal tempju ġewwa tempju, u tħoss lilek innifsek, fil-qiegħ tal-koppla issir donnok farka ħdejh.”

Ir-restawraturi tal-arti tal-Mużewijiet tal-Vatikan qed imexxu l-proġett ta’ restawr u konservazzjoni b’tim ta’ 10-12-il espert.

Dettall tal-baldakkin fil-Bażilika ta’ San Pietru qabel ir-restawr tiegħu. Ritratt: Elizabeth Alva/EWTN

Pietro Zander, il-kap tal-patrimonju artistiku u arkeoloġiku tal-Bażilika ta’ San Pietru, spjega li investigazzjoni preliminari sabet li l-baldakkin kien fi “stat degradat ta’ konservazzjoni” u li l-wiċċ kollu tiegħu huwa miksi “b’kisja skura.”

“Il-kwistjonijiet ta’ deterjorament… huma parzjalment minħabba l-ħafna viżitaturi u pellegrini li jżuru l-Bażilika ta’ San Pietru kuljum, u jbiddlu l-mikroklima tagħha bil-preżenza tagħhom,” qal Zander.

Ħaddiema fuq il-baldakkin fil-Bażilika ta’ San Pietru. Ritratt: Daniel Ibanez

“Il-bażilika tilqa’ sa 50,000 ruħ kuljum,” qal. “Varjazzjonijiet mikroklimatiċi konsiderevoli matul il-ġurnata u bidliet qawwija fit-temperatura u l-umdità bejn il-ġurnata u l-lejl jinteraġixxu mal-kanupew, u jikkawżaw alterazzjonijiet u korrużjoni tal-metall; ossidazzjoni tal-irfid u rinfurzar tal-ħadid; u espansjoni tal-partijiet tal-injam b’konsegwenza ta’ rfigħ u distakk ta’ saffi fuq il-wiċċ tagħha.”

Zander indika li aktar studju “tal-mikroklima tal-bażilika” se jgħin ukoll biex jiġi ffurmat pjan ta’ konservazzjoni għax-xogħlijiet artistiċi kollha fil-bażilika.

Veduta tal-baldakkin taħt il-koppla ċentrali tal-Bażilika ta’ San Pietru. Ritratt: Daniel Ibanez

Il-Kavallieri ta’ Columbus qed jiffinanzjaw ir-restawr tal-baldakkin, li jiswa 700,000 ewro.

Patrick Kelly, il-kap tal-Kavallieri ta’ Columbus, iddeskriva l-baldakkin ta’ Bernini bħala “kapulavur singulari tal-arti sagra,” li “taqbel sew mal-missjoni tagħna u mal-istorja tagħna ta’ servizz lill-Knisja, u speċjalment lis-suċċessuri ta’ San Pietru.”

Traduzzjoni mħejjija minn Lara Zammit għal tbissima.mt. It-test oriġinali bl-Ingliż jappartjeni lill-Catholic News Agency

LURA GĦALL-FAĊĊATA