It-taħriġ fil-fidi skont il-Papa Benedittu XVI

Yhonatan Luque Reyes via Catholic News Agency/ACI Prensa

Benedittu XVI tkellem f’diversi okkażjonijiet dwar l-importanza tat-taħriġ fil-fidi biex inkunu nistgħu ngħixuha u nittrasmettuha b’mod effettiv lill-oħrajn.

Dawn huma xi wħud minnhom:

Il-fidi “hija l-qofol tal-formazzjoni tal-persuna”

Fl-okkażjoni tal-assemblea ‘Familja u komunità Nisranija: formazzjoni tal-persuna u trasmissjoni tal-fidi’ ċċelebrata f’Ruma matul l-ewwel sena tal-pontifikat tiegħu, Benedittu XVI spjega li l-familja u l-Knisja huma msejħin jikkollaboraw biex iwettqu l-ħidma fundamentali “tal-formazzjoni tal-persuna u t-trasmissjoni tal-fidi”.

F’dan ir-rigward, spjega li l-edukazzjoni fil-fidi “hija l-qofol tal-formazzjoni tal-persuna u l-aktar orizzont xieraq tagħha.”

Barra minn hekk, hu wissa dwar il- ħtieġa li “negħlbu r- relattiviżmu fix- xogħol tagħna ta’ taħriġ lin- nies”.

Ritratt: Storyblocks

Il-parir ta’ Benedittu XVI biex tiġi evitata fidi superfiċjali

Fid-diskors tiegħu fil-Konferenza Episkopali tal-Możambik f’Mejju tal-2007, Benedittu XVI tkellem dwar ir-rilevanza tal-formazzjoni tal-fidi “fil-katekeżi taż-żgħażagħ u tal-adulti”.

“Mingħajr din il-formazzjoni profonda, il-fidi u l-prattika reliġjuża jkunu superfiċjali u fraġli, id-drawwiet tal-antenati ma setgħux jiġu mgħaddsa bl-ispirtu Nisrani, il-qlub jitqanqlu b’kull tip ta’ duttrina, is-settet jattiraw lill-fidili, ibiegħduhom mill-Knisja, u djalogu rispettuż mar-reliġjonijiet l-oħra jitwaqqaf,” qal il-papa.

Li nidħlu aktar fil-fidi” tgħina ma naqgħux fis-settet

F’April tal-2006, Benedittu XVI mexxa diskors lill-Isqfijiet tal-Kosta tal-Avorju, li fih ħeġġiġhom biex jenfasizzaw il-formazzjoni tal-fidi tal-lajċi.

“L-approfondiment tal-fidi huwa neċessarju biex wieħed ikun jista’ jirreżisti t-tentazzjoni li jaqa’ għall-appell tal-kulti u, fuq kollox, biex jagħti raġuni għat-tama Nisranija f’kumpless dinji li fih hemm bżonn li niffaċċjaw problemi ġodda u serji,” spjega.

Fl-istess diskors, il-papa faħħar il-ħidma tal-katekisti, li stedinhom biex ikollhom formazzjoni soda “li tgħinhom iwettqu l-missjoni fdata lilhom, billi jgħixu l-fidi tagħhom b’mod konsistenti”.

Il-familja Nisranija hija ‘knisja domestika’ żgħira. Ritratt: Storyblocks

Il-formazzjoni tal-fidi hija “responsabbiltà primarja tal-familja

Fl-2007, il-papa spjega waqt diskors fl-inawgurazzjoni tal-ħidma tal-assemblea djoċesana ta’ Ruma li “fl-edukazzjoni u l-formazzjoni fil-fidi, il-familja għandha missjoni proprja u fundamentali u responsabbiltà primarja”.

Semma li, permezz tal-ġenituri tiegħhom, it-tfal iħarsu lejn l-ewwel esperjenza ta’ mħabba, li hija “rifless tal-imħabba li Alla jħoss għalih”.

“Għalhekk, il-familja Nisranija, ‘knisja domestika’ żgħira, u l-familja kbira tal-Knisja jridu jiżviluppaw fuq kollox f’dak li jirrigwarda l-edukazzjoni tat-tfal.”

Ritratt: Storyblocks

Biex “ngħixu fedelment l-impenji tal-magħmudija” għandna bżonn formazzjoni soda fil-fidi

Waqt id-diskors tiegħu lill-Isqfijiet tas-Senegal fi Frar 2006, Benedittu XVI fakkar li “biex ngħixu fedelment l-impenji tal-magħmudija, kull wieħed irid ikollu formazzjoni soda fil-fidi”.

Għal dan il-għan, il-papa talab li l-Insara jerġgħu jaqraw il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, għax “joffri lill-fidili espożizzjoni mġedda u kunfidenti tal-veritajiet tal-fidi tal-Knisja Kattolika, li tippermetti li kull wieħed jagħmel b’mod ċar ġesti konsistenti ta’ fidi fil-ħajja tiegħu.”

Traduzzjoni mħejjija minn Lara Zammit għal tbissima.mt. It-test oriġinali bl-Ispagnol jappartjeni lill-Catholic News Agency. Dan l-artiklu kien ippubblikat oriġinarjament fuq ACI Prensa. 

LURA GĦALL-FAĊĊATA